Il-Kunsill Lokali Nadur qed ikompli jinvesti fl-infrastruttura rurali tal-lokalità bil-konklużjoni ta’ proġett ieħor importanti, li tlesta matul l-aħħar sena permezz ta’ fondi taħt il-Miżura 4.3 tal-Unjoni Ewropea.
B’investiment ta’ aktar minn €250,000, ġew riġenerati żewġ toroq rurali: Triq Irdum ta’ Vnuta fiz-zona ta’ Xurdin, biex tikkumplimenta x-xogħol li sar fis-snin ta’ qabel, u Triq Wied Rihan fiz-zona ta’ San Blas. Dawn it-toroq se jtejbu l-aċċess għar-residenti, bdiewa, u dawk li jżuru dawn iz-zoni għall-mixi u r-rikreazzjoni.
B’rabta mal-konklużjoni ta’ dan il-proġett, saret konferenza stampa li fiha kienu preżenti s-Sindku tan-Nadur Edward Said, il-membri tal-Kunsill Lokali Nadur, kif ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, flimkien ma’ rappreżentanti mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
Dan il-proġett juri l-impenn tal-Kunsill Lokali Nadur biex ikompli jtejjeb l-infrastruttura tal-lokalità, filwaqt li jippreserva l-karatteristiċi rurali u naturali tagħha.
