Lokali Qorti

Il-Qorti tiddikjara li saret diskriminazzjoni politika fil-konfront ta’ Mark Camilleri

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha ddikjarat li l-awtur Mark Camilleri sofra minn ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu kif sanċiti mill-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Ewwel Artikolu tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea wara li saret diskriminazzjoni politika fil-konfront tiegħu.

Mark Camilleri kien fetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat tal-Istat u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn sostna li dan tal-aħħar kien qed jiddiskrimina kontrih minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu. Qal li huwa tneħħa minn President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u kien irrifjutat li jirrevedi u jippromwovi l-ktieb tiegħu “A Rent Seeker’s Paradise “għal raġunijiet politiċi.

L-Imħallef Audrey Demicoli li semgħet il-każ, laqgħet it-talba magħmulha mill-Avukat tal-Istat, u illiberatu
mill-osservanza tal-ġudizzju. Għaldaqsant, ġie ddikjarat li n-nuqqas seħħ totalment mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Camilleri sofra minn diskriminazzjoni u din għadha qed issir fuqu minħabba l-kritika tiegħu fil-konfront tal-Gvern u l-Partit Laburista.

Il-Qorti laqgħet talba għall-kumpens non-pekunjarju li sofra Mark Camilleri fis-somma ta’ €500. Dan, iżda, bħala rimedju għal-leżjoni tad-drittijiet fundamentali sofferti minnu fejn ikkundanna lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex iħallas l-istess kumpens kif likwidat bħala rimedju għal-leżjoni tad-drittijiet fundamnetali sofferti minnu.

Camilleri dejjem tenna li l-Kunsill irrifjuta li jippromovi l-ktieb tiegħu sempliċiment għall-materjal li fih il-ktieb. Camilleri, Eks Chairman tal-Kunsill fis-snin 2013 sal-2021, kien kisirha minn mal-Labour, u sar kritiku qawwi tal-partit, wara l-elezzjoni ta’ Robert Abela bħala Kap fl-2020.

Fir-rikors, Camilleri stqarr li l-pożizzjoni tiegħu fil-kunsill ma kinitx ġiet imġedda mill-Ministru tal-Edukazzjoni wara li beda jikkritika lill-amministrazzjoni Laburista. “Flimkien ma’ dan, huwa ippubblika ktieb bl-isem ta’ “A Rent Seeker’s Paradise”, li fih jikxef il-korruzzjoni lampanti u governanza ħażina min-naħa tal-gvern preżenti u tal-Partit Laburista. Il-ktieb ġie ppubblikat f’format elettroniku f’Settembru 2021 u stampat ix-xahar ta’ wara.

Camilleri talab bi dritt li jagħmel użu mis-servizz offrut tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li permezz tiegħu l-imsemmi ktieb jiġi rivedut fir-reviżjoni ta’ kull ġimgħa fil-gazzetta ‘Illum’, iżda dan kien ġie miċħud mill-entità msemmija qabel, għal raġunijiet politiċi, jiġifieri l-kritika akuta tal-Gvern u l-Partit Laburista li tinsab fil-ktieb.”

Ir-rikors, li kien iffirmat mill-avukat David Bonello, kien irrimarka wkoll li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb twaqqaf permezz ta’ leġiżlazzjoni sussidjarja taħt l-Att dwar l-Edukazzjoni u huwa maħsub li jkun awtonomu u ħieles minn indħil estern.

Kunsill li jservi l-interessi tal-Gvern

Skont il-leġiżlazzjoni sussidjarja inkwistjoni, wieħed mill-għanijiet iddikjarati tal-Kunsill huwa li jippromwovi l-kotba u jirrappreżenta l-interessi tal-awturi u tal-pubblikaturi, kien jgħid ir-rikors. Sadanittant huwa argumenta li r-rifjut tal-Kunsill li jippromwovi l-ktieb tiegħu huwa kompletament kuntrarju għar-raison d’etre (ġustifikazzjoni u raġuni) tal-Kunsill, u għaldaqstant kien qed iservi l-interessi tal-Gvern u mhux l-awturi u l-pubblikaturi li għalih kien inħoloq biex jipproteġihom.

Il-leġiżlazzjoni sussidjarja li taħtha twaqqaf il-Kunsill tobbligah ukoll li jsostni u jassisti lill-awturi u lill-pubblikaturi billi, fost affarijiet oħra, jiddefendu l-interessi tagħhom fil-livell politiku,” tgħid l-applikazzjoni tar-rikors. “Bl-azzjonijiet tagħha qed tagħmel eżattament l-oppost fir-rigward tiegħu, tenna l-awtur.”

L-avukat David Bonello sostna li Camilleri kien qed jiġi trattat b’mod differenti minn awturi oħra, u sostna li dan it-trattament diskriminatorju qed iwassal biex huwa jbati telf ta’ dħul preżenti u fil-futur. Il-Qorti qalet li kkonkludiet, li anke jekk forsi mhux neċessarjament kienet l-intenzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jiddiskrimina kontra Camilleri, effettivament in-nuqqas tal-Kunsill jikkostitwixxi trattament differenti lil dak mogħti lil awturi oħra.

Huwa evidenti li, minkejja li ċ-Chairman preżenti jgħid li huwa ma ngħata l-ebda ordni mingħand is-superjuri tiegħu fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex ma tiġix pubblikata r-reċensjoni, ir-raġuni għal dan it-trattament differenti kien il-fatt li l-ktieb kien kritika minn Membri Parlamentari fil-Gvern u membri tal-Partit Laburista li kien fil-Gvern, u “ħassejna illi minħabba n-natura tal-ktieb kif kien, illi minħabba ovvjament aħna entità pubblika, iddeċidejna illi għalissa f’dak il-mument ma kienx għaqli li joħroġ
dak ir-reċensjoni ta’ dak il-ktieb minħabba ovvjament is-sensittività tal-każijiet li kien hemm.

Il-Qorti għalhekk qalet li qed tasal tikkonkludi li t-trattament differenzjali kien preċiżament minħabba l-opinjoni politika espressa minn Camilleri fil-ktieb tiegħu, liema opinjoni politika l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mhux neċessarjament kien iħaddan, iżda żgur li ma riedx li jagħti l-impressjoni li jħaddan.

F’dak li jirrigwarda n-nuqqas tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex jippubblika reċensjoni dwar il-ktieb ta’ Camilleri, il-Qorti qalet li hi tal-fehma li l-awtur għandu raġun. Iċ-Chairman preżenti tal-Kunsill Nazzjonali jgħid li: “Jien esprimejt riservi għall-pubblikazzjoni tar-riċensjoni minħabba l-kontenut possibilment u potenzjalment libelluż li kien fih”, u jsostni li din kienet xprunata mil-libell li fetħet il-membru parlamentari Rosianne Cutajar kontra Mark Camilleri dwar il-ktieb, u l-fatt li kien ilu biss xahar fil-kariga u ma riedx ipoġġi lill-Kunsill Nazzjonali taħt dell ikrah.
Madanakollu, l-Imħallef qalet li ċ-Chairman preżenti kien ħa deċiżjoni li r-reċensjoni ma ssirx abbażi ta’ dak li kien sema’ fil-midja u li kien ippubblika fuq mezzi soċjali bħala parti mill-marketing campaign tiegħu u ċioè qabel effettivament qara l-ktieb, b’dana għalhekk li ma jistax jitqies li d-deċiżjoni tiegħu kienet waħda pjenament informata.

L-Avukat David Bonello deher għal Mark Camilleri.