Mara li kienet ikkundannata sentejn ħabs talli aggredit uffiċjal tal-pulizija se jkollha l-kawża tagħha mismugħa mill-ġdid wara li Qorti rrifjutat li tikkunsidra evidenza kruċjali tad-DNA. Fl-2021, Naomi Tanti nstabet ħatja li aggredit uffiċjal tal-pulizija, saqet bl-addoċċ, ġarret arma pprojbita, li kienet fil-pussess tal-kannabis u li kisret il-pleġġ waqt inċident fl-2018.
Hija kienet ikkundannata sentejn ħabs u mmultata €6,000. Madankollu, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima ordnat kawża tibda mill-ġdid b’evidenza ġdida kkunsidrata wara li sabet li d-difiża kienet ma tħallietx tikseb provi tad-DNA kruċjali.
Fl-appell tagħha, Tanti sostniet li l-Qorti tal-Maġistrati kienet ġiet ippreġudikata kontriha, peress li ċaħdet it-talba tagħha biex tipprova li, minbarra d-DNA tagħha li nstabet fuq id-droga fil-pussess tagħha, kien hemm ukoll id-DNA tal-eks sieħeb tagħha.
L-eks sieħeb tagħha huwa l-allegat traffikant tad-droga Jordan Azzopardi, magħruf ukoll bħala “El Chapo” ta’ Malta. Waqt il-kumpilazzjoni tal-provi, l-esperta tad-DNA maħtura mill-Qorti – Marisa Cassar ġiet inkarigata li tanalizza kampjuni tad-DNA li nstabu fuq diversi oġġetti, fosthom pouch roża u basktijiet tal-plastik li fihom id-droga u l-flus.
L-espert sabet profil ġenetiku mħallat ta’ raġel u mara fuq l-oġġetti kollha, iżda l-boroż tal-plastik primarjament kien fihom il-profil ġenetiku ta’ raġel. Tanti sostniet li d-DNA maskili kien ta’ Azzopardi u talbet li l-Qorti terġa’ taħtar lill-espert biex iqabbel id-DNA maskili ma’ dak ta’ Azzopardi.
Madankollu, il-Qorti ċaħdet din it-talba. Wara hi kienet ikkundannata sentejn ħabs u mmultata €6,000, Tanti ressqet appell, u argumentat li r-rifjut tal-maġistrat li jippermetti t-tqabbil tad-DNA kien influwenza b’mod inġust il-proċess.
Meta rrevediet l-argumenti ta’ Tanti, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li ma kellhiex tiġi miċħuda t-talba, peress li l-provi tad-DNA setgħu biddlu l-eżitu tal-każ. Minħabba f’hekk, il-Qorti annullat il-verdett preċedenti u ordnat li l-kawża tibda mill-ġdid, filwaqt li ħadet kont tal-provi tad-DNA ta’ Azzopardi.
L-avukati difensuri Arthur Azzopardi, Josè Herrera u Jacob Magri rrappreżentaw lil Tanti.
//= $special ?>