Lokali

INKREDIBBLI: One News jispiċċa jgiddeb lil One News

Il-midja ta’ Robert Abela tinsab f’sitwazzjoni tant gravi li issa One News spiċċa jgiddeb lil One News.

Fl-aħħar 24 siegħa, tas-Super One provaw joħolqu serje ta’ stejjer ivvintati dwar il-laqgħa tal-Eżekuttiv li fiha kien elett Charles Bonello bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-ewwel artiklu, il-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista kienet pronta tippubblika storja vvintanta li s-Shadow Minister Ivan J Bartolo qam jitkellem waqt il-laqgħa li saret il-Ħamis – storja li kienet biss fake news.

Dan ir-rapport mhux biss kien falz, iżda Ivan J Bartolo lanqas kien preżenti fil-laqgħa tal-Ħamis.

Iżda l-istorja ma waqfitx hemm. Aktar tard, One News neħħa dan ir-rapport u eskluda lil Bartolo għal kollox.

Biex imbgħad giddeb lilu nnifsu permezz ta’ storja oħra ppubblikata, li issa qed tgħid li s-Shadow Minister Bartolo ma kienx preżenti għall-eżekuttiv – turija ċara ta’ Partit Laburista f’paniku u negattiv, li juża l-midja tiegħu sabiex ixerred fake news dwar il-Partit Nazzjonalista.