Il-Bord Mediku kien kompost ta’ fuq fuq – u ma kienx speċjalizzat biex jevalwa pazjenti b’diżabbiltà severa. Huwa ferm stramb kif “Medical Panel” “li r-rwol tiegħu kien l-evalwazzjoni ta’ dokumenti u ċertifikati mediċi biex jiġi deċiż jekk dawn jikkostitwixxu prova biżżejjed li pazjent ibati minn kundizzjoni jew marda li fid-definizzjoni skont il-liġi hija dik ta’ diżabbiltà severa.
Fl-aħħar mill-aħħar bħala mezz ta’ assigurazzjoni li l-fondi pubbliċi jintefqu fejn tassew meħtieġ, dan kien kompost minn tobba li mhumiex speċjalisti f’xi waħda mill-oqsma ta’ mediċina li fihom jiċċentraw il-kundizzjonjiet li jitqiesu bħala diżabbiltajiet severi.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet dan f’sentenza fil-konfront ta’ Josephine Spagnol ta’ 51 sena minn Marsascala li ma nstabitx ħatja li wettqet frodi fuq benefiċċji soċjali, li ffalsifikat dokumenti u għamlet qliegħ ta’ aktar minn €5,000 bi ħsara tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Minkejja li ddikjatat li d-dokumenti li jiddeskrivu l-“epilessija” tal-mara kienu foloz, hija ġiet illiberata peress li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex tiddeċiedi li xjentement għamlet dikjarazzjonijiet foloz.
l-akkużi fil-konfront tal-imputata nibtu minn tfittxija li kienet saret fil-computer tal-Eks Deputat Laburista, t-tabib Silvio Grixti fejn il-Pulizija kienu sabu diversi ċertifikati mediċi foloz, fosthom żewġ ċertifikati li kienu nħarġu fir-rigward ta’ Josephine Spagnol, liema ċertifikati juru li kienu nħarġu minn żewġ tobba li rriżulta li kienu foloz.
Silvio Grixti huwa implikat f’racket li allegatament kien jinvolvi li jgħin mijiet ta’ nies b’mod frawdolenti jirċievu benefiċċji ta’ diżabbiltà ta’ kull xahar li ma kinux intitolati għalihom. L-evidenza tindika li Grixti pprovda dokumenti mediċi foloz biex ‘jgħin lin-nies, ħafna drabi ġejjin minn fortizzi Laburisti, biex jirċievu benefiċċji soċjali b’medja ta’ €450 fix-xahar għal diżabbiltà severa li ma jbatux minnhom.
F’Diċembru 2021, Grixti rriżenja mill-Parlament wara li ġie interrogat mill-Pulizija fuq investigazzjoni dwar noti mediċi irregolari tal-mard. Wara xhur ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija ressqet akkużi kontra Grixti u erbgħa oħra b’rabta mar-racket tal-benefiċċji soċjali.
Minn investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, jirriżulta li dawn iż-żewġ ċertifikati nsabu wkoll fil-file tal-imputata fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali b’rabta mal-applikazzjoni li kien ġie sottomess lid-Dipartiment f’isem Spagnol biex tirċievi l-ħlas ta’ assistenza għal diżabbiltà severa għall-kundizzjoni tal-epilepsija.
Tobba mhux speċjalizzati
Il-Qorti qalet li fuq il-bord biex jevalwa s-sitwazzjoni fil-konfront ta’ Spagnol kien hemm tobba, wieħed li m’huwiex newrologu jew speċjalist iżda huwa ‘surgical trainee’, u għal xi raġuni t-tabib l-ieħor fil-Medical Panel li ċċertifika lill-imputata, lanqas m’hu reġistrat fir-Reġistru tal-Kunsill Mediku.
Tabib fil-Bord ikkonferma wkoll fil-Qorti li ma kenux isiru verifiki min-naħa tat-tobba tal-“Medical Panel” biex jiġi konfermat li t-tabib li jkun iffirma ċ-ċertifikat li kien jiġi prodott insostenn tal-kundizzjoni jew marda, huwiex kwalifikat fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni rilevanti, jew li tassew huwa reġistrat bħala tabib, jew li ċ-ċertifikati jkunu awtentiċi,
Il-Maġistrat Montebello qalet fis-sentenza tagħha li għall-Qorti huwa ovvju li bħala persuni fil-professjoni medika u maħtura biex jaqdu kariga speċifika skont il-liġi, it-tobba fuq il-‘Medical Panel’ li evalwaw l-applikazzjoni tal-imputata, qatt ma setgħu, abbażi tad-dokumenti li kellhom quddiemhom, isibu li tbati minn epilpsija, wisq inqas setgħu jiġu ingannati bid-dokumenti provduti lilhom b’rabta mal-applikazzjoni tal-imputata, anke jekk id-dokumenti kienu falsifikati mingħajr ma kienu jafu.
Il-Qorti qalet li ma tistax taċċetta bħala normali l-fatt li tobba, professjonisti gradwati fil-mediċina – li huma kwalifikati u mdorrija jiktbu huma stess ċertifikati mediċi u ilhom fil-professjoni diversi snin u iktar minn hekk, ilhom is-snin jifformaw parti mill-Medical Panel fejn ikunu maħturin biex jevalwaw is-siwi ta’ ċertifikati u rapporti mediċi, jiġu mqarrqa.
Qalet li dawn għandhom jaraw li jkunu konformi mhux biss, naturalment, ma’ standards ġenerali fil-qasam mediku iżda b’mod speċifiku mal-kriterji imposti mil-liġi tas-sigurtà soċjali biex persuna titqies bħala persuna b’diżabbilta’ severa – u m’għandux ikun li jaċċettaw ċertifikati mhux iffirmati u manifestament nieqsa f’aspetti essenzjali.
Il-Bord Mediku abdika mir-responsabbiltà
“Għal xi raġuni l-‘Medical Panel’ abbdika mit-twettiq kif imiss tal-funzjonijiet tiegħu. Minn eżami tax-xhieda ta’ tabib li kien fuq il-panel, il-Qorti qalet li ma tistax ma tinnotax li l-istħarriġ u evalwazzjoni li kien sar mill-‘Medical Panel’, tal-anqas fil-każ tal-imputata, apparti li kien ferm superfiċjali u magħmul fuq fuq, ma kienx wieħed serju u bil-għaqal iżda pjuttost proċess ta’ ‘rubber-stamping”‘ qalet il-Maġistrat.
Kif taraha l-Qorti, it-tobba tal-‘Medical Panel’ kellhom minn tal-inqas, jitolbu dokumenti b’tagħrif li huwa konformi mal-ħtiġiet tal-liġi jekk mhux ukoll dokumenti ffirmati mit-tabib li suppost ħariġhom, il-Qorti tirrifjuta taċċetta l-ipotesi li dawn it-tobba ġew ingannati miċ-ċertifikati u dokumenti foloz li allegatament kienu raw fil-file tal-imputata.
Minn naħa l-oħra, il-Qorti qalet li ma tistax twarrab il-konsiderazzjoni ii jekk tassew id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ġie żvijat, dan kien konsegwenza taċ-ċertifikazzjoni żbaljata tal-‘Medical Panel’ u l-parir manifestament ħażin u mhux f’loku li ngħata lid-Direttur f’dan il-każ.
Id-Direttur għandu jikkonsulta lill-Panel u jfittex il-parir tiegħu qabel jagħti d-deċiżjoni tiegħu biex jibda jħallas l-assistenza għal diżabbiltà severa lill-applikant. Għall-Qorti, l-ingann effettiv jinsab fiċ-ċertifikazzjoni ħażina tal-Medical Panel ossia r-rakkomandazzjoni li ta lid-Direttur dwar l-imputata, u mhux fid-dokumenti provduti lill-istess Panel inkonnessjoni mal-applikazzjoni tal-imputata.
Diversi tobba lkoll xehdu quddiem u kkonfermaw li l-imputata qatt ma kienet pazjenta tagħhom u jew
qatt ma għamlet ebda wieħed mit-testijiet li dwarhom inħarġu rapporti allegatament magħmula minn żewġ tobba.
Madankollu, qalet il-Qorti hawnhekk ukoll il-Prosekuzzjoni naqset b’mod assolut milli tistabbilixxi li kienet l-imputata l-persuna li pproduċiet, fasslet jew ħarġet dawn id-dokumenti, iffalsifikat xi parti mill-kontenut tagħhom, jew li kellha b’xi mod ieħor taqsam mal-falsifikazzjoni ta’ xi wieħed minn dawn id-dokumenti.
Kif taraha l-Qorti, il-fatt li d-dokumenti falsifikati jifformaw parti mill-file tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar l-applikazzjoni tal-imputata u l-fatt li b’hekk jeżisti ‘link’ bejn l-istess dokumenti falsfikati u l-applikazzjoni ffirmat mill-imputata b’dikjarazzjoni li hija tbati mill-kundizzjoni tal-epilepsija, u li għalhekk mhuwiex biżżejjed għall-prova skont il-liġi li l-imputata kienet l-awtriċi tad-dokumenti falsifikati.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputata ġiet mixlija li għamlet dikjarazzjoni jew stqarrija falza jew tat tagħrif falz f’xi dokument maħsub għal xi awtorità pubblika, sabiex tikseb xi vantaġġ jew benefiċċju għaliha
nnifisha jew għal ħaddieħor.
Jeħtieġ għalhekk qabel xejn li jiġi stabbilit f’liema dokumenti jirriżulta li seta’ sar xi stqarrija jew dikjarazzjoni mill-imputata jew li fih xi tagħrif falz. Inkwantu d-dikjarazzjoni ffirmata mill-imputata fis-26 ta’ Novembru 2018, formanti parti mill-applikazzjoni sottomess f’isimha għall-ħlas ta’ assistenza għal persuna li għandha dizabbiltà severa.
Il-Qorti għamlet xi osservazzjonijiet. L-imputata, ammettiet li l-firma fl-aħħar paġna tal-applikazzjoni bid-data tas-26 ta’ Novembru, hija tagħha. Fl-istess applikazzjoni f’isem l-imputata, ingħata wkoll is-segwenti tagħrif addizzjonali, li jidher li nkiteb mhux mill-imputata iżda minn Dr. Silvio J. Grixti, li l-imputata stqarret li huwa t-tabib tal-familja tagħha, li wkoll iffirma u ttimbra s-sezzjoni fejn qal li minn mindu kienet żgħira kellha kundizzjoni.
Saret djanjosi minn psikjatra
Barra minn hekk, jirriżulta li l-imputata kienet pazjenta privata tal-psikjatra Dr. Mark Xuereb, li fix-xhieda tiegħu kkonferma li mill-eżamijiet li kien wettaq fuq l-imputata huwa kien għamel dijanjosi ta’ encephalopathy u kien ikkostata wkoll li b’riżultat ta’ din il-kundizzjoni, l-imputata kienet qed tbati minn
episodji fejn kien ikollha ħass ħazinijat u taqa’ mal-art, liema episodji huwa kkostata li kienu ta’ natura epileptika.
Għalkemm huwa xehed ukoll li ma setax jiċċertifika jekk l-imputata kinetx tbati minn episodji ta’ epilepsija iktar minn erba’ darbiet fix-xahar u lanqas seta’ jikkostata l-frekwenza ta’ dawn l-episodji. Kollox jindika li kien Dr. Silvio Grixti li mela u ffirma l-ewwel parti tal-applikazzjoni li fiha l-indikazzjoni tal-kundizzjoni tal-epilepsija bħala waħda li tbati biha l-istess imputata.
Għalhekk jekk tassew id-dikjarazzjoni li saret fl-applikazzjoni minn Dr. Silvio Grixti li l-imputata tbati mill-kundizzjoni tal-epilepsija, mhijiex korretta, ma jfissirx li l-imputata kienet taf jew setgħet raġjonevolment tkun taf li dan it-tagħrif ma kienx korrett jew falz.
Għalkemm huwa minnu li l-imputata kkonfermat fid-dikjarazzjoni minnha ffirmat fis-26 ta’ Novembru 2018, li safejn taf hi, it-tagħrif mogħti, inkluż għalhekk l-indikazzjoni li tbati bl-epilepsija, huwa minnu, u għalhekk s’intendi kkonfermat li tbati mill-kundizzjoni tal-epilepsija meta jirriżulta li din id-dijanjosi qatt ma setgħet issir għaliex qatt ma saru t-testijiet opportuni.
Id-dokumenti li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova li huma falsifikati huma dawk li jinsabu fil-file tal-imputata fid-Dipartiment tas-Siġurtà Soċjali u li qed jiġi allegat li ntużaw b’rabta mal-applikazzjoni tagħha biex titqies bħala persuna gravament diżabilitata.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet ukoll li Grixti kien ilu snin sħaħ it-tabib tal-familja tal-mara u kien mela l-ewwel parti tal-applikazzjoni għall-benefiċċji tad-diżabbiltà tagħha. “Kollox jindika li kien Dr Silvio Grixti li mela u ffirma l-ewwel parti taċ-ċertifikat, li tbati mill-epilessija.
Il-Qorti, għalhekk, ma sabitx lil Spagnol ħatja ta’ ebda wieħed mir-reati u tilliberaha mill-imputazzjonijiet kollha u minn kull ħtija u piena.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Tabone. L-Avukat Alexander Paul Mizzi deher għal Spagnol.