Lokali Qorti

Jammetti li saq fis-sakra u hedded lill-uffiċjali tal-pulizija

Raġel hedded lill-uffiċjali tal-pulizija u rreżista l-arrest wara li ħabat bil-karozza tiegħu waqt li kien qed isuq taħt l-influwenza tax-xorb. Victor Felice ta’ 56 sena ammetta li hedded lill-uffiċjali tal-pulizija, li saq taħt l-influwenza tax-xorb, u li rrifjuta li jagħmel test tal-breathalyser.

L-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa qalet lill-Qorti li fit-12 ta’ Marzu, il-Pulizija rċeviet rapport dwar ħabta bil-karozzi fil-Marsa. Uffiċjali ta’ Transport Malta u l-LESA kienu diġà fuq il-post biex jamministraw l-inċident. Meta waslu l-Pulizija, issuspettaw li Felice kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u ordnaw li jsir test tal-breathalyser.

Zerafa qalet li Felice sar aggressiv u beda jhedded lill-uffiċjali. “Ladarba nkun f’sensija, u f’tiegħi, inpattihielkom,” qalet Zerafa meta qalet lill-Qorti x’kienu l-kliem ta’ Felice. Il-Pulizija arrestawh u ħaduh Mater Dei, peress li kien taħt l-influwenza tax-xorb u li kien ġarrab xi ġrieħi ħfief waqt li rreżista l-arrest.

Waqt l-akkuża, Felice qam u skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkundannatu sitt xhur ħabs, sospiżi għal sena, imponiet multa ta’ €200, u ssospendietlu l-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur.