Lokali

L-Avukat tal-Istat Chris Soler ma jridx jikkummenta dwar il-bidla fil-liġi tal-Inkjesti Maġisterjali

Theddida għas-Saltna tad-Dritt u d-Demokrazija. Fl-aħħar ġimgħat hekk ġiet deskritta l-bidla li jrid jagħmel akkost ta’ kollox il-Prim Ministru Robert Abela f’dak li għandu x’jaqsam inkjesti maġisterjali.

L-Erbgħa filghaxija, minkejja l-kritika kbira mill-professjonisti, il-Partit Nazzjonalista u għaqdiet varji fil-qasam; il-Gvern immexxi minn Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard sabbat saqajh u kompla għaddej bit-tieni qari tal-liġi proposta li se tkun qed tneħħi d-dritt taċ-ċittadin milli jkollu l-libertà li jitlob għal ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali.

Il-Gvern qed jipproponi li minflok ċittadin imur ifittex Maġistrat u jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta, jrid imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija u jistenna 6 xhur. U ladarba ma jiċċaqlaq xejn jista’ jmur il-Qorti. Mossa li kemm il-Kamra tal-Avukati, l-Kamra tal-Kummerċ, il-Malta Employers, l-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Emeritu Silvio Camilleri flimkien mal-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina u oħrajn…kollha ma qabluż magħha.

Gvern deskritt b’imġieba arroganti li minkejja l-appelli tal-professjonisti u akkademiċi xorta waħda sabbat saqajh biex ikun jista’ jiddefendi lil tal-qalba.

Għaldaqstant il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Avukat tal-Istat Chris Soler dwar x’parir ta lill-Gvern b’rabta ma’ din il-kwistjoni serja.

Dan hekk kif kostituzzjonalment l-Avukat tal-Istat għandu jaġixxi b’mod indipendenti waqt li jagħti l-pariri legali lill-Gvern u jġib dejjem l-interessi tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.

Madanakollu, skomdu għall-aħħar l-Avukat Soler irrifjuta milli jikkumenta dwar din il-bidla, u ma riedx jgħid jekk din il-bidla hux waħda li ġġib l-interess tal-poplu l-ewwel.