Matul il-jum tal-Ġimgħa, Charles Bonello uffiċjalment beda jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista wara l-vot li sar il-Ħamis filgħaxija.
Fil-fatt, il-Ġimgħa filgħodu s-Segretarju l-Ġenerali l-ġdid daħal fl-uffiċċju tiegħu għall-ewwel darba b’Michael Piccinino jilqa’ lil Charles Bonello fil-bidu tal-ħidma tiegħu f’dan ir-rwol importanti. Fejn b’mod simboliku Michael Piccinino għadda ċ-ċwievet tal-uffiċċju lis-Segretarju Ġenerali l-ġdid.
Wara din il-laqgħa, Charles Bonello żar lill-ħaddiema ta’ Net Media fejn tkellem mal-impjegati kollha preżenti li lkoll awgurawlu għall-kariga l-ġdida tiegħu. Hu żar lill-ħaddiema tekniċi, l-edituri tal-gazzetti, id-Dipartiment tar-Reklamar, in-Newsroom, l-amministrazzjoni u anke l-bqija tal-istrutturi minn fejn jitħaddem Net FM u Net Television.



Aktar tard f’laqgħa mal-impjegati kollha Charles Bonello saħaq li l-ħaddiema kollha ta’ Net Media u tal-Partit Nazzjonalista qed jagħtu kontribut lill-pajjiż.
Is-Segretarju Ġenerali fisser kif fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista kompla jissaħħaħ. U spejga li r-riżultat tal-elezzjoni ta’ Ġunju kif ukoll il-preżenza tal-poplu waqt il-protesta tal-Ħadd li għadda juru li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista qed tħalli l-frott.
Charles Bonello fakkar ukoll fil-maratona li se ssir nhar il-Ħadd li ġej – maratona li biha l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu favur pajjiżna, u favur il-familji Maltin u Għawdxin.


