Internazzjonali

L-uffiċċji tal-kumpanija Huawei investigati mill-Pulizija Belġjana

Il-Pulizija Belġjana wettqet rejd fl-uffiċċji tal-kumpanija tat-teknoloġija Ċiniża Huawei. Ir-rejd sar b’rabta ma akkużi ta’ korruzzjoni li ppruvaw iwettqu uffiċjali ta’ din il-kumpanija, u li fil-mira tagħhom kellhom fost oħrajn MEPs, Eks MEPs u assistenti tagħhom.

Il-kumpanija Ċiniża, li fl-aħħar snin iffirmat diversi ftehim mal-Gvern Malti, hi fil-mira ta’ investigazzjoni minħabba akkużi li ppruvat tikkorrompi deputati fil-Parlament Ewropew bħala parti mil-lobbying. Huma qed jiġu akkużati ukoll b’falsifikar ta’ dokumenti u ħasil ta’ flus. B’kollox saru rejds f’21 indirizz f’diversi partijiet tal-Belġju u anke fil-Portugall.

L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Belġjan qal li l-allegat mġiba ħażina seħħet “b’mod regolari u diskret ħafna mill-2021 sal-lum, taħt l-iskuża ta’ lobbying kummerċjali.”

Il-każi li qed jiġu investigati jinkludu “għoti ta’ flus għat-teħid ta’ pożizzjonijiet politiċi, rigali eċċessivi bħall-ispejjeż tal-ikel u tal-ivvjaġġar u stediniet regolari għal-logħbiet tal-futbol… bil-ħsieb li jiġu mbuttati interessi kummerċjali purament privati ​​fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet politiċi,” qal l-uffiċju tal-prosekutur.

Il-Gvern Laburista ffirma diversi ftehim ma’ Huawei, fosthom il-famuż ftehim li ħadet ħsieb mart l-Eks Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi. L-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ħareġ ifaħħar lil Sai Mizzi għax-xogħol tagħha biex tattira lejn Malta lill-kumpanija Ċiniża Huawei, fejn kellha tittestja t-teknoloġija 5G. Bħala konsulenta, hija kellha paga ta 13-il elf ewro fix-xahar, minkejja li ftit kien hemm riżultati għal dan.