Lokali

LEAKS MIL-LABOUR: “Kulħadd irid jitlaq mill-Education”

“Kulħadd irid jitlaq mill-Education, il-Ministru Clifton Grima ma jridx jisma’ u jrid jibqa’ jiddawwar bi sħabu li huma inkompetenti.”

Dawn huma l-aħħar leaks li waslu għand Net News mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li juri l-mod li bih il-Ministru Clifton Grima qed imexxi preżentament il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport.

Leaks fejn fihom l-Eks Chief of Staff ta’ Grima u Kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, Ryan Borg, jinstema’ jiftaħ qalbu dwar is-sitwazzjoni preżenti taħt it-tmexxija ta’ Grima.

Borg jisħaq li l-problemi li dan il-Ministeru qed jaffaċċja preżentament mhux kollha tort tal-Ministru Grima, imma parti minnhom huma wkoll tas-Segretarju Permanenti Matthew Vella; għaliex fi kliemu dan ma jafx – madanakollu jisħaq li fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn Grima.

F’dawn ir-recordings Borg jisħaq li kulħadd irid jitlaq mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għax l-affarijiet ċertament mhux għaddejjin fuq ir-rubini taħt it-tmexxija tal-Ministru Grima, li sa ftit tax-xhur ilu l-istess Borg kien il-Kap tas-Segretarjat tiegħu.

Ryan Borg insista li fix-xhur li għaddew kemm-il darba ttanta jispjega u jiftaħ għajnejn il-Ministru Clifton Grima sabiex jitranġaw l-affarijiet. Madankollu r-risposta tal-Ministru kienet li tah daqqa ta’ sieq ‘il barra għaliex skont Borg jippreferi jiddawwar bi sħabu li huma inkompetenti.

Fl-aħħar jiem Net News żvela żewġ recordings oħrajn fejn fihom l-istess Ryan Borg insista li Clifton Grima jrid jiddawwar bi sħabu sabiex ma jkollu lil ħadd min jgħidlu le – u agħar minn hekk, insista li ċ-Chief of Staff tiegħu ma jafx jikteb. Bil-Kunsillier Laburista jinsisti li jekk il-Ministru mhux jinduna bil-problemi li għandu, mela postu mhux hemm.

Dawn huma recordings u leaks li urtaw lit-tmexxija Laburista u lill-faxxa ta’ Robert Abela tant li tqabbad l-eks preżentatur Karl Stagno Navarra sabiex jattakka lil Borg fuq il-blog estremist tiegħu – tant li staqsa b’mod mill-aktar vulgari “min hu Ryan Borg”. Fil-verità, il-Labour jaf tajjeb min hu Borg tant hu hekk li bħalissa – apparti li huwa wieħed mill-ftit kunsilliera eletti Laburisti f’Tas-Sliema, huwa wkoll direttur fl-AIMS li minnha ftit tal-jiem ilu rriżenja Eks Deputat Laburista Jean Claude Micallef.