Il-linja tal-ajru LOT Polish Airlines, membru ta’ Star Alliance, se tkun qed iżżid lil Malta man-netwerk globali tar-rotot tagħha b’effett mit-16 ta’ April 2025.
It-titjiriet bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-hub globali ta’ din il-linja tal-ajru fl-Ajruport Chopin, f’Warsaw, se jitħaddmu erba’ darbiet fil-ġimgħa għal titjira ta’ tliet sigħat. Il-passiġġieri se jkollhom għażla bejn Economy Class u Business Class.
Vjaġġaturi minn Malta jistgħu jgħaqqdu faċilment ma’ diversi destinazzjonijiet servuti minn LOT Polish Airlines. Sabiex joffri aktar flessibbiltà u għażliet lill-passiġġieri, ġew adattati l-ħinijiet tat-tluq li huma fis-6:05pm għat-titjira kull nhar ta’ Tlieta u Sibt; f’12:10 kull nhar ta’ Erbgħa u Ħadd.
Bħala eżempju ta’ vjaġġi tal-Ħarifa 2025, permezz tal-LOT Polish Airlines wieħed jista’ jivjaġġja minn Warsaw lejn Hamburg, Oslo, Rueykjavik-Keflavik, Stockholm, Delhi, Yerevan, Tifli, Tokyo, Chicago, New York u Toronto.
LOT Polish Airlines hija linja tal-ajru moderna li tgħaqqad l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant mar-reġjuni l-oħra tad-dinja. Il-linja tal-ajru Pollakka qed iżżid b’mod konsistenti n-numru ta’ titjiriet lejn dawn id-destinazzjonijiet, u b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
LOT twettaq it-titjiriet fit-tul tagħha bl-użu tal-ajruplani Boeing 787 Dreamliner, wieħed mill-aktar ajruplani avvanzati fid-dinja.
//= $special ?>