Sport Sport Ieħor

Meta r-rota twassal għal ħolqien ta’ komunità: Intervista ma’ Daniel Briffa, Segretarju tat-Tim taċ-Ċikliżmu Bike it Up

Meta tkellimt ma’ Daniel Briffa, Segretarju tat-tim ġdid taċ-ċikliżmu Bike it Up, ħaġa waħda kienet ċara: dan mhux biss tim — huwa familja. “Nista’ ngħid b’ċertezza li t-tim tagħna huwa mibni fuq il-bażi li aħna familja l-ewwel qabel kollox,” stqarr magħna Briffa bi tbissima.

“Din kienet l-enerġija u l-forza li wasslitna għat-tkabbir u t-titjib tagħna f’dawn l-aħħar snin. Billi nappoġġjaw lil xulxin u nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna, irnexxilna niksbu suċċess flimkien u saħħaħna t-tim tagħna f’kull sens.”

It-tim Bike it Up oriġinarjament kien parti mit-taqsima taċ-ċikliżmu ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club, iżda sabu ruħhom f’salib it-toroq meta l-klabb ġie formalment xolt aktar kmieni din is-sena. “Kien mument diffiċli għalina,” jammetti Briffa. “Kellna nieħdu deċiżjoni — jew kull wieħed imur għal rasu jew nibqgħu flimkien. Mingħajr eżitazzjoni, għażilna t-tieni għażla.” Hekk twieled Bike it Up, li jġorr miegħu l-istess spirtu, ħbiberija, u determinazzjoni li żammithom magħqudin fis-snin ta’ qabel.

“Għalina, ma kinitx kwistjoni ta’ sempliċement insibu isem ġdid; kienet kwistjoni li nippreservaw dak li bnejna matul is-snin,” ikompli jgħid Briffa. “Ridna nkomplu l-vjaġġ tagħna bl-istess passjoni u determinazzjoni li ddefinietna bħala parti minn Birkirkara St Joseph, iżda wkoll b’perspettiva ġdida u motivazzjoni rinnovata.”

Iħarsu ’l quddiem: Era ġdida għal Bike it Up

Hekk kif it-tim qed iħejji biex jidħol fl-2025, l-eċċitament jinħass b’mod ċar. “Ma kinetx bidla faċli,” ammetta Briffa. “Iżda qed inħarsu ’l quddiem lejn l-2025 bħala l-ewwel sena uffiċjali tagħna bħala Bike it Up Racing.” Il-viżjoni tat-tim testendi lil hinn mix-xena kompetittiva. “L-għan tagħna huwa li noħolqu spazju li jilqa’ lil kulħadd — mhux biss atleti — li jixtiequ jgawdu attivita fuq ir-rota,” jispjega Briffa. “Irridu nippromovu ċ-ċikliżmu mhux biss bħala sport kompetittiv jew mezz ta’ trasport, iżda wkoll bħala mod kif titjieb il-benesseri ġenerali u jgawdu l-avventuri li jista’ jġib.”

Dan il-ħsieb hu dak li jagħmel lil Bike it Up tim uniku. “Bħala tim, nittamaw li nispiraw aktar nies biex jesperjenzaw il-benefiċċji li ġġib magħha l-użu r-rota,” żid Briffa. Il-missjoni tagħhom mhix biss dwar ir-rebħ tat-tiġrijiet; hija wkoll dwar li jħallu impatt pożittiv fuq il-komunità lokali taċ-ċikliżmu u lil hinn.

Ambizzjonijiet u impenji: Għanijiet lokali u internazzjonali

Filwaqt li l-qalba ta’ Bike it Up hija mibnija fuq il-valuri tal-familja, it-tim għandu pjanijiet ambizzjużi għas-sena li ġejja. “L-ambizzjoni tagħna hija li nżommu din l-atmosfera mill-qrib u nużawha biex niksbu l-aħjar riżultati possibbli fuq livell lokali,” jgħid Briffa li kompla:  “Imma nħarsu wkoll ’il quddiem biex nikkompetu barra minn Malta u niffaċċjaw sfidi ġodda.”

Fuq il-front lokali, Bike it Up huwa impenjat bis-sħiħ li jipparteċipa fl-avvenimenti ewlenin kollha taċ-ċikliżmu. “Se nkunu preżenti b’mod sħiħ f’kull tiġrija lokali, speċjalment it-Tour ta’ Malta u l-Kampjonati Nazzjonali,” stqarr Briffa. “It-tim kburi li jappoġġja u jikkompeti f’tiġrijiet organizzati minn klabbs sportivi lokali oħra.”

It-tim qed iħejji wkoll biex jagħmel isem għalih fuq livell internazzjonali. “L-ewwel impenn tagħna barra minn Malta se jkun il-Mediofondo Hibla Major Città di Avola, li huwa parti mill-Coppa Sicilia,” żvela Briffa. “Wara dan, se nipparteċipaw fit-Trofeo Puglisi f’Floridia, il-Gran Fondo di Ragusa, u tiġrija tal-UCI fit-Turkija aktar tard is-sena d-dieħla.”

Tim b’qalb kbira

Minkejja l-kalendarju kompetittiv tagħhom, Bike it Up jibqa’ magħqud mal-valuri fundamentali tiegħu. “Għalina, is-suċċess mhuwiex imkejjel biss fir-rebħ ta’ tiġrijiet,” jgħid Briffa b’mod riflessiv. “Huwa dwar ir-rabtiet li bnejna u n-nies li ispirajna matul il-vjaġġ tagħna. Billi nibqgħu veri għal dak li aħna, nemmen li nistgħu niksbu affarijiet kbar flimkien.”

Kif temm jgħid Briffa, “Ir-rota mhix biss mezz ta’ kompetizzjoni; hija mezz ta’ konnessjoni, żvilupp personali, u avventura.” U b’dan l-ispirtu jmexxielhom, m’hemmx dubju li dan it-tim għandu l-potenzjali li jkompli jikber.