mid-Deputat Nazzjonalista Grazziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal
Bir-rata li miexja d-dinja, skont il-World Economic Forum, globalment il-mara mhix se tilħaq livell ta’ ugwaljanza qabel l-2158.
Dan ifisser almenu ħames ġenerazzjonijiet oħra. Ħadd minna mhu se jkun qiegħed hawn biex jara dan il-mument jintlaħaq. Tant huwa ’l bogħod. Dan ifisser, għalhekk, li sadanittant ħafna nisa se jibqgħu jbatu, isofru inġustizzji, jaqgħu lura, ma jingħatawx dak li ħaqqhom, u dan għaliex twieldu nisa u mhux irġiel. Il-kundanna għal ħajja inqas privileġġjata hija l-fatt li persuna titwieled mara. Għaldaqstant, it-tema madwar id-dinja għal din is-sena fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara hija l-għajta biex inwettqu azzjoni malajr (Accellerate Action). Ma jistax ikun li nibqgħu nkaxkru saqajna sabiex nagħtu lill-mara d-dinjità mistħoqqa lilha.
Nisa jbatu sempliċiment għax huma nisa
Ma jistax ikun li iktar nisa jkomplu jbatu sempliċiment għax huma nisa. Irridu li l-mara tilħaq l-potenzjal kollu tagħha u jasal il-mument meta verament Jum il-Mara jkun ċelebrazzjoni tal-kisbiet li tkun laħqet il-mara. Għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex verament il-mara tingħata dak li jixirqilha.
Huwa veru wkoll li f’Malta l-mara mxiet ħafna ’l quddiem fl-aħħar ħamsin sena. Pass pass, bil-mod il-mod. Nifirħu kull darba li l-mara tagħmel pass żgħir ’il quddiem. Iżda kemm se ndumu nifirħu bil-passi ċkejknin.
Hemm bżonn li l-mara issa tagħmel qabżiet ta’ kwalità. Passi ikbar sabiex l-ugwaljanza mistħoqqa tasal ferm qabel u aktar malajr. Ma jistax ikun li l-pajjiż jibqa’ jitlef il-potenzjal li jistgħu joffru n-nisa. Għad hawn wisq talent li qiegħed jinħela. Dan ikollu konsegwenzi negattivi fuq il-mara bħala persuna, iżda wkoll fuq il-pajjiż kollu.
Għaldaqstant hemm bżonn li jkomplu jitwettqu miżuri li jħajru u li jagħmluha aktar faċli sabiex in-nisa Maltin jibqgħu jistinkaw, jistudjaw u jirrealizzaw il-ħolm u x-xewqat tagħhom. M’għandu jkun hemm xejn milli jzomm il-mara milli takkwista dak kollu li hi kapaċi tagħmel bil-ħila tagħha.
Hemm bżonn li jkomplu jitwessgħu l-miżuri msejħa bħala work-life balance li tassew jgħinu lill-familja Maltija kollha. Irridu nżidu l-leave tal-paternità u ntejbu l-ħlas bħala investiment fil-mara u l-familja Maltija. B’hekk biss nistgħu verament nagħtu d-dinjità lill-mara, għaliex biex il-mara tilħaq il-potenzjal kollu tagħha trid tingħata l-għajnuna kollha.
Dan kollu anke fid-dawl tal-fatt li r-rata tat-twelid f’pajjiżna tinsab fi kriżi. Qegħdin jitwieldu ftit wisq tfal u d-demografija ta’ pajjiżna tinsab f’sitwazzjoni ħażina ħafna.
Vittmi tal-vjolenza domestika
F’din l-okkażjoni ma nistax qabel nagħlaq ma nsemmix il-vittmi tal-vjolenza domestika. Minkejja l-liġijiet sbieħ fuq il-karta, minkejja li iktar nisa qegħdin jiggradwaw mill-Università u minn istituzzjonijiet edukattivi oħra, minkejja li iktar nisa qegħdin joħorġu jaħdmu, għad baqa’ ħafna nisa, anzi ngħid wisq nisa, li huma vittmi ta’ vjolenza domestika u li qegħdin isofru tbatija kbira fis-skiet tad-dar tagħhom.
Dawn in-nisa għandhom bżonn iktar għajnuna, iktar empatija u sostenn biex iħallu l-ambjent krudil li sabu rwieħhom fih u jibdew ħajja ġdida.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 9 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>