Opinjoni

OPINJONI: Settur pubbliku mifqugħ bil-ħaddiema

... u s-settur privat ikarrab biex isib min jaħdem

minn Joe M. Zahra

Skont ċifri uffiċjali fi tnaxil sena, is-settur pubbliku kiber minn 40,608 ħaddiema f’Marzu 2013 għal 51,554 f’Marzu 2024 jew b’26.9 fil-mija. Minn dak iż-żmien għaddiet sena oħra fejn mhemmx dubju li żdiedu mill-inqas elf ħaddiem ieħor. Li jġib iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema tal-Gvern għal 12,000 kemm ilu hemm il-Gvern Laburista. Ma’ dawn irridu nżidu madwar 5,000 ħaddiem ieħor li daħlu mal-Gvern permezz tal-kuntratturi. Fl-istess waqt li l-Gvern għal skopijiet politiċi qed iżid in-numru ta’ nies miegħu, is-settur privat qed jitkarrab għall-ħaddiema. Fl-assenza ta’ ħaddiema Maltin qed ikollu jirrikorri għal ħaddiema barranin. Li huwa biss ftit minnhom li jibqgħu f’pajjiżna għal iktar minn tliet snin. Hekk is-settur privat ikollu jħarreġ mill-ġdid ħaddiema li jiġu flokhom, u l-ħaddiema ma tħarriġhomx mil-lum għall-għada.

Minn ċifri li jiġu pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li n-nefqa f’pagi u salarji mill-Gvern telgħet minn €653.7 miljun fl-2013 għal €1,199.4 miljun fl-2023.

Li kieku kellna ngħoddu ż-żidiet kollha fuq dak li ntefaq fl-2013 (ara tabella) insibu li fi ħdax-il sena ntefqu €2,775 miljun iktar f’pagi u salarji mill-Gvern. Ekwivalenti għal aktar minn nofs iż-żieda fid-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern bl-ebda mod mhu se jkeċċi ħaddiema li tqabbdu fl-aħħar tnax-il sena. Minn dan għandhom iserrħu moħħhom il-ħaddiema kollha li ssieħbu fis-settur pubbliku fl-aħħar tnax-il sena.

Sintendi barra dawk hemm mijiet f’pożizzjoni ta’ fiduċja. Dawk mhumiex mas-settur pubbliku iżda f’impjieg temporanju marbut mal-amministrazzjoni tal-mument. Għalhekk l-impjiegi tagħhom jintemmu darba jispiċċaw il-ministri li jkunu qabduhom. Kif seħħ dejjem taħt amministrazzjonijiet oħra.

Garanzija lill-ħaddiema

Il-Partit Nazzjonalista diġà kien iggarantixxa qabel l-1987 li ma jkeċċi lill-ebda wieħed mit-8,888 ħaddiem li qabbad il-Gvern tal-Labour fix-xhur ta’ qabel dik l-elezzjoni ġenerali. Anki jekk dawn il-ħaddiema kienu swew aktar min-nofs id-dejn li kien isir kull sena dak iż-żmien!

Min-naħa l-oħra kien il-Gvern ta’ Mintoff li fl-1955 keċċa minn mal-Gvern 800 ħaddiem, kapijiet ta’ familja, li tqabbdu mas-settur pubbliku bejn l-1950 u l-1955 taħt gvern ta’ koalizzjoni Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier. Gvernijiet Nazzjonalisti għandhom rekord li ma jkexxux ħaddiema.

Kif tista’ tasal għaż-żieda

Iż-żieda tan-numru ta’ ħaddiema fi-setttur pubbliku tiġi pubblikata. Li ma nkunux nafu huwa kemm tqabbdu ħaddiema permezz ta’ kuntratturi. Ħalli nibdew pass, pass. Jekk nieħdu r-rata tal-inflazzjoni, din bejn l-2013 u l-2023, żdiedet b’21.21 fil-mija. Ejja nżidu ma’ din ir-rata ħamsa oħra fil-mija biex nagħmlu tajjeb għal xi żidiet li ngħataw ċerti kategoriji tal-Gvern u ‘increments’. Ċifra li twassalna għal 26.2 fil-mija.

Bejn l-2013 u l-2023 il-vot tal-pagi u s-salarji żdied minn €653.7 miljun għal €1,199,4 miljun, żieda ta’ €545.7 miljun jew 83.5 fil-mija.

Jekk minn din iċ-ċifra naqtgħu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u żidiet oħrajn nibqgħu b’57.3 fil-mija ta’ €545.7 miljun li marru f’impjiegi ġodda. Jew €374.5 miljun.

Jekk nieħdu Grupp 3 fl-iskala tal-Gvern jew Skala 20 fejn probabbli li jsibu posthom l-maġġoranza ta’ dawk kollha li jitqabbdu mal-Gvern permezz tal-kuntratturi, apparti dawk ta’ fiduċja, dawn jaqbdu €14,606 fis-sena. Li allura jagħtina ċ-ċifra ta’ 25,640 impjieg li tqarreb ħafna maċ-ċifra li tajna iktar ’il fuq.

Dejjem taħt il-labour

Il-Gvern Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier fl-1971 ħalla 20,000 ħaddiem fis-settur pubbliku minn 106,000 li kien hawn jaħdmu bi qligħ. Inqas minn 20 fil-mija tal-ħaddiema kollha f’Malta u Għawdex.

Il-Gvern tal-Labour fl-1987 ħalla 55,000 jew nofs il-ħaddiema kollha f’pajjiżna. Kien żmien fejn flok l-impjiegi fis-settur privat żdiedu, naqsu. Gvern Nazzjonalista tul 25 sena naqqas is-settur pubbliku u niżlu għal 40,600. Issa taħt il-Labour erġajna koppi! L-impjiegi fis-settur pubbliku reġgħu telgħu għal madwar 53,000. Ħafna qrib iċ-ċifra tal-1987.

Gvernijiet Laburisti donnhom dak biss li jafu jagħmlu biex iżidu l-impjiegi, iqabbdu kemm jifilħu ħaddiema fis-settur pubbliku billi jisirquhom mis-settur privat.

Qed jiġri wkoll li setturi bħal manifattura, il-kostruzzjoni u l-bejgh bl-imnut, transport u turiżmu qed jitilfu eluf ta’ ħaddiema Maltin – madwar 9,000 – biex minflok jaħdmu fihom il-barranin. F’dawn it-tliet setturi llum hemm qrib il-50,000 barrani!

Il-politika tal-Gvern Laburista qed twassal biex ħafna ħaddiema ta’ snajja qed jintilfu. Gvern Laburista ma bena l-ebda settur ekonomiku ġdid. Is-settur ekonomiku Laburista huwa iktar ħaddiema fis-settur pubbliku u fl-azjendi u aġenziji kollha li magħhom għandu x’jaqsam il-Gvern. Azjendi u aġenziji li qed jinbtu daqs il-ħaxix ħażin!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 14 ta’ Marzu, 2025.