L-Ungerija qablet biex twarrab il-veto u tippermetti għat-tiġdid tas-sanzjonijiet li l-Unjoni Ewropea imponiet fuq aktar minn 2,400 individwu u entitajiet – fil-parti kbira relatati mar-Russja – b’reazzjoni għall-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.
Ir-riżoluzzjoni għaddiet anqas minn 48 siegħa qabel kellu jiskadi ż-żmien effettiv għall-miżuri tal-UE …Sitwazzjoni riskjuża li kienet ħalliet lill-Unjoni għal ħafna żmien fi stat ta’ tensjoni.
Is-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jridu jiġġeddu kull sitt xhur b’kunsens ta’ unanimità – u li jfisser li Stat membru uniku, bħall-Ungerija, kapaċi jwaqqaf il-proċess sħiħ.
L-osservaturi sadanittant jemmnu li l-u-turn mill-Gvern tal-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, mhux se jqanqal wisq reazzjonijiet favorevoli minn Moska. Dan meta Orban ilu s-snin javviċina l-orbita tal-Kremlin u fejn, fost oħrajn, ċaħad għaż-żidiet fil-kunsinni tal-armamenti għad-difiża tal-Ukrajna.
Fil-fatt – qabel l-aħħar verdett minn Budapest — il-veto tal-Ungerija kien ikkonfermat diversi drabi din il-ġimgħa waqt il-laqgħat mal-Ambaxxaturi u bid-deadline għas-sanzjonijiet, aktar, kulma jmur, javviċina.
Il-Gvern Ungeriż, qabel, kien insista li jitneħħew xi ismijiet mil-lista s-sewda ta’ nies immarkati għas-sanzjonijiet – u fl-aħħarnett intlaħaq kompromess biex erba’ persuni, fosthom il-Ministru Russu għall-iSport, Mikhail Degtyaryov, jitneħħew mil-lista.
Dan wassal biex is-sanzjonijiet fuq ir-Russja u entitajiet oħra li qed jassistu l-konflitt mal-Ukreni jibqgħu validi għal sitt xhur oħra.
Is-sorsi viċin l-UE qalu, intant, li t-Tmexxija tal-Ungerija ‘qed tidher li rat id-dawl’ u meta tista’ qed tinduna li ‘ma jaqbilx li pajjiżhom jieħu l-parti ta’ Vladimir Putin u l-Kremlin’.
Madankollu, din kienet it-tieni darba fi tlett xhur li l-Gvern ta’ Orban ħoloq kriżi fi Brussell bit-theddid li jwaqqaf is-sanzjonijiet fil-konfront tar-Russja….Sanzjonijiet li l-Ewropa ilha tfassal b’diffikultà minn Frar tal-2022, meta l-militar Russu kien invada t-territorji tal-Ukrajna.
Sadanittant, il-lista s-sewda ta’ persuni fil-mira tas-sanzjonijiet tinkludi mijiet ta’ kmandanti militari, uffiċjali tal-Gvern, oligarki, propagandisti u merċenarji tal-Grupp Wagner li qed jgħinu l-Magna tal-Gwerra ta’ Putin…Kollha nies li kellhom l-assi tagħhom fl-Ewropa friżati u li ma jistgħux jivvjaġġaw lejn kwalunkwe pajjiż tal-UE.
Suġġetti wkoll għas-sanzjonijiet hemm il-President Russu nnifsu u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergey Lavrov….Dan minbarra l-mijiet tal-kumpanniji Russi bil-kuntratti mal-militar u oħrajn relatati mal-banek, l-enerġija, l-avvjazzjoni, l-IT, it-telekomunikazzjonijiet u s-setturi tal-media.
//= $special ?>