Internazzjonali

Ukrajna: Donald Trump jgħid li hemm ‘ċans tajjeb’ li l-gwerra tintemm – bir-Russja għadha ‘indeċiża’

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, żvela li hemm ċans tajjeb ħafna li l-gwerra fl-Ukrajna tasal għal konklużjoni — iżda wissa wkoll li eluf ta’ truppi Ukreni, illum, jinsabu f’pożizzjoni ‘ħażina u vulnerabbli’.

Trump, intant, faħħar ‘it-taħditiet produttivi’ rigward l-Ukrajna li saru fl-aħħar sigħat bejn Washington u r-Russja. Dan meta l-kelliema għall-White House qalu li ‘qatt qabel ma kienu daqshekk qrib ta’ paċi (fl-Ukrajna)’.

L-aħħar taħditiet saru bejn Putin u r-Rappreżentant tal-Istati Uniti, Steve Witkoff, li, imbagħad, wassal ir-riżultati minn din il-laqgħa lill-President Trump.

Vladimir Putin qal li r-Russja taqbel fi prinċipju ma’ waqfien mill-ġlied iżda hu xorta qed jistenna t-tweġibiet għal diversi mistoqsijiet relatati mal-gwerra.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ikkritika lil Vladimir Putin talli hu qed jinsisti dwar il-kundizzjonijiet li jfixklu u jitfgħu lura l-proċess għall-paċi. Zelensky, fl-istess ħin, hu xettiku dwar kemm Putin se jirtira minn din il-gwerra, peress li sitwazzjoni bħal din ‘tħallih b’xejn wara dawn is-snin kollha ta’ konflitt’.

Dan waqt li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7, waqt il-laqgħat fil-Kanada, ħeġġew biex ir-Russja taqbel mal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied….Messaġġ li twassal permezz ta’ stqarrija.

Sadanittant, ir-Russja u l-Ukrajna baqgħu jisparaw id-drones lejn l-interessi ta’ xulxin – bil-President Trump jitlob lil Putin biex ma jeqridx lill-eluf tat-truppi Ukreni li jinsabu ċirkondati f’Kursk…Ir-reġjun fir-Russja fejn il-militar Ukren ilu jżomm preżenza mix-xhur tas-sajf.

Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Kremlin qed jinsistu biex Vladmir Putin jingħata t-tweġibiet li qed jistenna u meta l-Mexxej Russu għadu mhux konvint dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied sponsorjat minn Washington.