Lokali

“Ejjew immissu l-qlub tan-nies sabiex nimxu ‘l quddiem”

“Ejjew flimkien insaħħu lill-Partit Nazzjonalista sabiex ikollna fondi biżżejjed ħalli nkomplu nwasslu l-messaġġ għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Imxejn ‘l quddiem iżda fadlilna ħafna x’nagħmlu – ejjew immissu l-qlub tan-nies.”

Kien dan li qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello waqt il-programm Issues fuq NET FM meta kien qed jiġi intervistat minn George Muscat. U kien hawnhekk fejn spjega l-iskop tal-Partit Nazzjonalista fil-ħidma tiegħu jum wara l-ieħor.

Charles Bonello fakkar kif il-Partit Nazzjonalista lest li bħalma għamel fl-aħħar snin, ikompli joffri ħidmietu għal pajjiżna.

“Il-PN lest li jmexxi lil pajjiżna. Magħna taf fejn qiegħed,” qal Bonello. “Ngħinu kemm nistgħu imma nkunu ċari man-nies.”

Is-Segretarju Ġenerali kompla jgħid li hu se jibni fuq il-ħidma ta’ Michael Piccinino.

“Tul dawn l-aħħar snin li l-PN iġġedda, u hawnhekk nirringrazzja l-ħidma ta’ Michael Piccinino. Issa dak li hu tajjeb insaħħuh u dak li jista’ jsir tajjeb, intejbuh,” kompla jispjega Bonello.