Lokali

Il-Partit Nazzjonalista għandu r-rieda li jinvesti f’Għawdex

Il-popolazzjoni f’Malta żdiedet sew l-istess bħalma żdiedu l-karozzi madanakollu l-ammont ta’ vapuri li jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex baqgħu l-istess. B’din is-sitwazzjoni qed toħloq problemi kbar kemm ta’  dewmien kif ukoll ta’ sigurtà fl-ivjaġġar.

Dan intqal f’konferenza bl-isem Vapuri Ġodda Għal Għawdex organizzatta mill-Membru Parlamentari Ewropej  Nazzjonalist Peter Agius li spjega kif Malta tista’ tapplika għar-raba’ vapur b’mod immedjat.

Waqt din il-konferenza li saret f’Għawdex għamel l-indirizz tiegħu ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li tenna kif il-Gvern ta’ Abela m’għandux ir-rieda li jagħmel dak li hemm bżonn f’Għawdex. U dan minkejja li hemm soluzzjonijiet għall-problemi fil-konettività bejn iż-żewġ gżejjer.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal li hemm il-bżonn li l-port tal-Imġarr jikber kif ukoll li jsir port ieħor alternattiv. Bix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg jgħid li  d-dewmien qed isarraf f’ħafna ħin moħli għall-ħaddiema u lill-istudenti. Dan filwaqt li propona sistema ta’ booking online u investiment f’laneċ li jaħdmu bl-elettriku.

 Intant, waqt din il-konferenza għamlu l-interventi tagħhom il-kandidati ġodda tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex, diversi esperti internazzjonali u stakeholder oħra.