Lokali Qorti

Iwieġeb mhux ħati wara li nqabad b’50g kokaina fil-karozza

Sven Wolfhead ta’ 22 sena minn Santa Luċija nżamm taħt l-arrest wara li wieġeb mhux ħati li nqabad b’50g kokaina fil-karozza tiegħu.

Wolfhead kien twaqqaf mill-pulizija qrib l-iskatepark tal-Imsida, fejn sabu 90 qratas ta’ kokaina suspettata, li b’kollox kienet tiżen madwar 50 gramma, kif ukoll kannabis.

Hu tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu biex iwieġeb għall-akkużi ta’ pussess ta’ droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, u li saq vettura mhux assigurata. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

L-avukati ta’ Wolfhead talbu lill-Qorti biex tagħtih liberta’ proviżorja, hekk kif hu kien lest jikseb għajnuna għall-vizzju tad-droga u lest li jirrispetta kwalunkwe kundizzjoni ta’ pleġġ imposta mill-Qorti.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri.