Lokali

Jingħaqdu għal kunċert b’risq il-beatifikazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani

Stephanie Quintano, Desirée u Stefan Calleja se jkunu qed jingħaqdu flimkien fuq il-palk ta’ Teatru Salesjan sabiex itellgħu kunċert b’risq il-beatifikazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani; il-koppja li għaddejja mill-proċess biex jiġu ddikjarati qaddisin.

Iż-żewġ Maltin ilhom mill-2015 għaddejjin minn dan il-proċess, fejn inġabru dokumetazzjoni u xhieda. L-inkjesti issa intbagħtu Ruma sabiex id-Dekasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin fi ħdan is-Santa Sede jeżamina l-informazzjoni miġbura dwar il-ħajja qaddisa u l-fama tal-qdusija ta’ din il-koppja.

Il-proċess wasal fil-ftuħ tal-kaxxi bl-evidenza u x-xhieda kollha dwar il-koppja Casolani fejn dan sar fil-Vatikan mill-Kardinali biex b’hekk bdiet il-fażi magħrufa bħala dik Rumana. Esperti li huma midħla ta’ dan il-proċess ikkonfermaw li jkun jeħtieġ mill-inqas żewġ mirakli biex huma jsiru qaddisin; l-ewwel biex ikunu dikjarati Beati, u imbagħad biex jiġu kanonizzati.

Jekk dan il-proċess jitlesta b’suċċess, Inez u Henry Casolani jkunu l-ewwel koppja minn pajjiżna li jkunu għaddew flimkien għall-kanonizzazzjoni.

Iżda biex din il-koppja titwassal sa dan il-punt jeħtieġ eluf ta’ fondi hekk kif ir-riċerka tinvolvi ħafna ħin u flus. U kien għal dan il-fatt li Quintano u Calleja se jkunu qed itellgħu kunċert bis-sehem tal-pjanu, il-vjolin u ċ-ċello.

Stephanie u bintha Desirée flimkien ma’ żewġha Stefan mhux l-ewwel darba li ngħaqddu flimkien fuq xi palk sabiex jagħtu spettaklu bit-talent tagħhom. Biex din id-darba, Deste Trio se jtellgħu kunċert b’mużika klassika, fosthom l-interpretazzjoni minn xogħol ta’ Mendelssohn u Brahms.

Il-kunċert se jkun qed isir fl-20 ta’ Ġunju fis-7:30 pm f’Teatru Salesjan, Tas-Sliema, bil-flus kollha se jmorru għal dan l-għan nobbli. B’wieħed jista’ jibbukja f’din il-ħolqa t’hawnhekk.