Futbol Sport

Manchester City miżmuma minn Brighton, Nottingham Forest iktar viċin ir-raba’ post

(Ritratt: EPA)

Everton u West Ham United temmew fi draw ta’ gowl kull wieħed bil-gowls kollha jaslu fit-tieni taqsima.

Il-Hammers fetħu l-iskor fis-67 minuta permezz ta’ Tomas Soucek mis-suġġeriment ta’ Bowen, bit-Toffees jagħmlu l-iskor indaqs b’gowl ta’ Jake O’Brien fl-aħħar minuti hekk kif sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Nottingham Forest b’rebħa oħra biex komplew jersqu viċin post mal-ewwel erba’. It-Tricky Trees għelbu lil Ipswich Town bl-iskor finali jkun 4-2.

Nottingham Forest jiskorjaw l-ewwel fil-35 minuta permezz tad-difensur ċentrali Milenkovic b’xutt mill-viċin bil-ballun jasal minn korner, qabel Anthony Elanga jirdoppja żewġ minuti wara b’kontrattakk mibdi minn Anderson.

Fil-41 minuta Nottingham Forest jagħmlu l-iskor 3-0 hekk kif Elanga jiskorja t-tieni gowl tiegħu.

Ipswich Town irnexxielhom inaqqsu l-iskor fit-82 minuta permezz ta’ Jens Cajuste, madankollu Jota Silva jagħmel l-iskor 4-1 ħames minuti wara.

Ipswich jiskorjaw gowl ta’ konsolazzjoni fit-93 minuta permezz ta’ George Hirst.

Manchester City reġgħu fallew milli jirbħu hekk kif temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Brighton.

Haaland jiftaħ l-iskor wara 11-il minuta minn penalty, segwit mill-gowl tad-draw ta’ Estupinan 10 minuti wara.

Omar Marmoush jerġgħa jagħti l-vantaġġ momentarju lis-Citizens fid-39 minuta.

Tkompliet l-isfortuna għall-akkwist il-ġdid Khusanov hekk kif fit-48 minuta xeħet fix-xibka tiegħu stess.

Wolves irritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil Southampton 2-1.

Strand Larsen protagonista għal Wolves b’dopjetta bil-gowls jaslu fid-19 u fis-47 minuta. Onuachu jnaqqas l-iskor għas-Saints fil-75 minuta

Bournemouth soffrew riżultat negattiv ieħor hekk kif ġew megħluba minn Brentford bl-iskor finali ta’ 2-1.

Vitaly Janalt xeħet fix-xibka tiegħu stess wara 17-il minuta biex Bournemouth marru fil-vantaġġ.

Brentford għamlu l-iskor indaqs wara nofsiegħa permezz ta’ Yoane Wissa.

Fil-71 minuta Christian Norgaard jagħmel l-iskor 2-1 għal Brentford.