Matul il-jum tas-Sibt, il-Prim Ministru Brittanniku Keir Starmer laqqa’ summit virtwali biex jiddiskuti l-passi li jmiss lejn il-paċi fl-Ukrajna. Ipparteċipaw numru ta’ rappreżentanti Ewropej, tal-Ukrajna, tal-Kanada u anke min-NATO.
Matul din il-laqgħa, Starmer sostna li bħala l-alleati tal-Ukrajna, huma qed jimxu lejn il-fażi li jmiss għall-paċi fl-Ukrajna.
Il-President Ukren Volodomyr Zelensky stqarr ukoll li t-twaqqif mill-ġlied suppost kellu jsir diġa’, iżda r-Russja qed tagħmel minn kollox biex dan ma jsirx. Zelensky rringrazzja wkoll lill-Unjoni Ewropea li ser jinvestu €150 biljun biex isaħħu l-kapaċità tad-difiża fl-Ewropa.
Minn naħa tiegħu, Starmer wissa lil Putin dwar il-pass li jmiss min-naħa tar-Russja, u nsista li l-President Russu m’għandux jitħalla jtawwal iż-żmien biex iż-żewġ partijiet jaslu għal waqfien mill-ġlied.
L-Ingilterra, Franza u l-Awstralja ddiskutew ukoll il-possibilità li jibagħtu ħaddiema għaż-żamma tal-paċi fl-Ukrajna f’każ ta’ waqfien mill-ġlied, minkejja li r-Russja sostnew li mhux se jaċċettaw li l-forzi tal-Punent jkunu f’art Ukrena, peress li dan jarawh bħala theddida diretta għas-sovranità tar-Russja.
Nhar il-Ħamis il-militari ta’ għadd ta’ alleati se jiltaqgħu l-Ingilterra sabiex jippjanaw il-pass li jmiss biex iżommu l-paċi f’każ li jieqaf il-ġlied fl-Ukrajna.
Fost il-pjanijiet, huma ddiskutew li se jkomplu jagħtu għajnuna militari lill-Ukrajna, li jkomplu jitfgħu restrizzjonijiet fuq l-ekonomija Russa, u biex ikomplu jdgħajfu lil Putin.
//= $special ?>