Il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li jiddefendi l-prinċipji fundamentali tad-demokrazija u mhu se jħalli lil ħadd jintimidah għal raġunijiet purament partiġjani.
Huwa għalhekk li fi stqarrija maħruġa f’isem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun leħen ċar favur il-verità fil-Parlament. Għal darba oħra, il-Gvern Laburista mhux juża l-ħin tal-Parlament biex jiddiskuti u jsolvi l-problemi tal-familji Maltin u Għawdxin, imma qed jużah bħala għodda ta’ vendetta politika billi jagħmel attakk faxxista kontra l-Partit Nazzjonalista li qed jaqdi r-rwol kostituzzjonali ta’ Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-ħin tal-Parlament jintuża biex jiġu diskussi u indirizzati kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali bħalma huma ż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni, l-għoli tal-ħajja, il-problema kbira tat-traffiku, il-kriżi fl-oqsma tas-saħħa u tal-edukazzjoni, is-serqa ta’ droga mingħand l-Armata, in-nuqqas ta’ sigurtà f’pajjiżna, is-serq ta’ €400 miljun minn Vitals u Steward u l-korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Imma minflok, il-Gvern ressaq Mozzjoni biex b’għaġla kbira tiġi diskussa nhar it-Tnejn li ġej, li hija attakk dirett fuq il-123,000 Malti u Maltija li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Lil dawn l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin il-Gvern irid iċaħħadhom mir-rappreżentanza li għandhom dritt Kostituzzjonali għaliha.
Din hija theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżna, għaliex il-maġġoranza Laburista fil-Parlament qed tipprova tikkundanna lil min ma jaqbilx magħha billi tieħu r-rwol ta’ prosekutur, imħallef u ġurija f’daqqa.
Il-Partit Nazzjonalista ma jista’ qatt ikun kompliċi f’din it-travestija tad-demokrazija li l-Gvern qed jipprova jwettaq. Dan l-attakk politiku huwa konferma oħra li l-Partit Laburista ħataf kull istituzzjoni f’idejh u qed jabbuża minnhom biex jipproteġi lill-politiċi korrotti tiegħu. Il-Mozzjoni ppreżentata hija mimlija gideb u mhijiex xejn għajr estensjoni tal-propaganda tal-Partit Laburista, qisha aħbar tas-Super One.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ ffukat fuq il-ħidma tiegħu biex jaqdi lill-familji Maltin u Għawdxin u ma jaċċettax li l-Parlament jintuża mill-Gvern Laburista bħala tribunal politiku biex mingħalih jintimidaw u jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista u lill-Membri Parlamentari tiegħu.
//= $special ?>