Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-unika vuċi tal-poplu fil-Parlament quddiem Gvern li għandu pjan li jelimina lill-Oppożizzjoni

Waqt li l-Labour jipprova jintimida lil min ma jaqbilx miegħu, il-PN se jibqa’ jaħdem għalik biex int tkun rappreżentat f’Parlament fejn il-Gvern jaħseb għalih biss u rema lill-poplu

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-poplu f’Parlament fejn il-Gvern qed juża l-forza tiegħu biex bħal bully jipprova jintimida lil min ma jaqbilx miegħu. Wara li ħataf l-istituzzjonijiet kollha, wara li rabat idejn il-Qrati u l-Maġistratura, issa Robert Abela għandu pjan biex jipprova jelimina lill-Oppożizzjoni. Imma mhux se jirnexxilu għax aħna se nibqgħu sodi sal-aħħar u se nibqgħu naħdmu bla heda għal Malta u Għawdex, u għall-poplu tagħna.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta dalgħodu kien qed iżur diversi Każini tal-Partit Nazzjonalista qabel il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li se ssir illum waranofsinhar.

F’kummenti li xxandru wkoll fuq NET Television, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għandna Gvern li minflok qed imur fil-Parlament biex isolvi l-problemi tat-traffiku, tas-saħħa u l-edukazzjoni, tas-sigurtà, tal-pensjonanti, taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema, qed imur fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż biex bħal bully jipprova jsodd ħalq kulħadd.

Wara li l-Ħadd li għadda fil-Belt Valletta l-poplu għadda messaġġ ċar lill-Gvern meta eluf ta’ nies niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra Gvern li falla, Robert Abela u sħabu din il-ġimgħa komplew juru kemm bħall-bullies ma jimpurtahomx min-nies.

F’temp ta’ erbat ijiem il-Gvern ivvota kontra n-nies billi vvota kontra li jimplimenta miżuri biex itaffi l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja li qed iħossu l-eluf, ivvota kontra n-nies billi kompla għaddej bil-liġi li ma tħallikx titlob investigazzjoni maġisterjali kontra xi membru tal-Gvern jew ħbieb tiegħu u issa qed ikompli jaħdem kontra n-nies billi ressaq mozzjoni urġenti biex jipprova jagħmel attakk faxxista kontra l-Partit Nazzjonalista li qed jaqdi r-rwol kostituzzjonali ta’ Oppożizzjoni.

Għax għal Robert Abela u sħabu kulma jgħodd huwa huma. Għal Robert Ablea kulma hu għalih huwa urġenti, u kulma hu għalik jibqa’ fuq l-ixkaffa.

Dan hu Gvern li falla. Gvern li m’għadux jagħraf lil niesu, u li lanqas il-Laburisti m’għadhom jagħrfuh.

Aktar minn qatt qabel, il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista biex tiddefendi d-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin minn Gvern li mhux qed jagħmel xejn ħlief jarmihomlhom hija kruċjali.

Aktar minn qatt qabel, il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista trid tissaħħaħ aktar, u biex tissaħħaħ iridu jissaħħu wkoll il-mezzi kif din il-ħidma tasal għand il-poplu.

L-istess kif, Gvern ġdid Nazzjonalista, se jkun qed jagħti prijorità lil Għawdex billi jinvesti bis-sħiħ fil-konnettività u, bħalma għamel qabel, se jerġa’ jagħti vapuri moderni biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin.

Biex isir dan, jeħtieġ il-kontribut tan-nies, bid-donazzjonijiet waqt il-maratona tal-lum imma wkoll bil-preżenza tan-nies, biex juru b’mod ċar li jridu li dan il-poplu kemm jista’ jkun malajr għandu jkollu Gvern ġdid Nazzjonalista li jaħdem għan-nies u mhux kontrihom.

Flimkien mas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN Charles Bonello, is-Segretarju Eżekuttiv Organizzattiv Stefan Caruana u t-Teżorier Veronica Perici Calascione, il-Kap tal-PN Bernard Grech żar il-Każini tal-PN ta’ Ħaż-Żabbar, Ħal Luqa, Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta u San Pawl il-Baħar qabel ma aktar tard illum jattendi għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi li tibda fis-2pm. Il-maratona se tixxandar Live fuq Net Television u matulha se jkun hemm intervisti mal-istess Kap tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll mal-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u mas-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello.