Internazzjonali

Is-Serbja: ‘Irridu l-istituzzjonijiet li jagħmlu xogħolhom sew’…..Twiddiba lill-Gvern fost id-dimostrazzjonijiet f’Belgrad

Il-Gvern tas-Serbja qed jidher fi stat ta’ paniku meta l-poplu jinsab urtat bil-kbir għal-livell tal-korruzjoni u deċiżjonijiet li litteralment irriżultaw f’telf  ta’ ħajja għall-gwadanna ta’ klikka nies viċin il-Gvern. L-uffiċjali tal-Gvern huma wkoll konxji mill-fatt li f’Belgrad, fi tmiem il-ġimgħa, inġabret l-akbar folla ta’ dimostranti li qatt kien hemm għal protesta politika — bin-nies jesprimu rabja għall-imwiet bla bżonn ta’ 15-il persuna fost il-kroll, xhur ilu,  ta’ stazzjon tal-ferrovija.

Id-dimostrazzjonijet ħasdu sew lill-Gvern u lill-President Serb, Aleksandar Vucic, bil-kelliema qrib l-Amministrazzjoni anki jippruvaw iqarrqu bl-ammonti ta’ dimostranti li, skont huma, qabżu ftit il-100,000 ruħ. Sadanittant, entità indipendenti li kalkulat il-folol f’Belgrad irreferiet għal numru rekord ta’ dimostranti, fost indikazzjonijiet li dawn, fil-fatt, qabżu l-330,000.

Il-kroll tal-istazzjon f’Novi Sad, f’Novembru, xpruna rabja kbira kontra l-Gvern u l-President Vucic. Dan waqt li d-dimostranti f’Belgrad qed jgħajjtu, kontinwament, kontra l-korruzzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ persuni influwenti biex ‘jaqtgħu l-kantunieri’ u jaġevolaw lil ċerti nies viċin l-Amministrazzjoni.

Dejjem aktar Serbi jemmnu li d-diżastru jirrifletti l-aġir arroganti tal-Partit Progressiv ta’ Vucic li ilu aktar minn għaxar snin imexxi lis-Serbja u li kien ukoll assoċjat mill-qrib max-xogħol ta’ renovazzjoni li kien sar fuq l-istazzjon ta’ Novi Sad.

Min-naħa tiegħu, il-President Vucic, waqt diskors lin-nazzjon, faħħar lill-pulizija waqt li qal li jħossu kburi li ‘il-Gvern irnexxielu jippreserva l-paċi’. Vucic qal ukoll li qed jifhem il-messaġġ tad-dimostranti waqt li ammetta li ‘it-Tmexxija tas-Serbja qed tirrikonoxxi li teħtieġ tibdel id-direzzjoni u l-mod kif qed taħdem’.

Iżda minkejja d-diversi riżenji mill-Gvern – u l-insistenza ta’ Vucic li se jkompli fir-rwol preżenti – il-protesti u r-rabja tal-poplu Serb qed jiżdiedu minn ġimgħa għal-ġimgħa.

Dan ukoll waqt li fl-aħħar dimostrazzjoni kbira dwiet l-għajta għal ‘pajjiż li jiffunzjona kif suppost u għall-istituzzjonijiet li jagħmlu xogħolhom sewwa’ …Dan meta n-nies, fi tmiem il-ġimgħa, ippakkjaw iz-zona fil-madwar l-Assemblea ta’Belgrad kif ukoll it-toroq li jagħtu għall-pjazza prinċipali fost is-slogans ‘biex il-Gvern jistħi bl-aġir tiegħu waqt li juri ftit tal-umiltà.’

L-organizzaturi ta’ din  ‘l-Akbar Dimostrazzjoni fl-Istorja’, wara, qalu li se jkomplu b’dawn ir-rallies li qed  jattiraw dejjem aktar Serbi mxebbgħin bl-intransiġenza u arroganza ta’ Gvern li, fi kliemhom, mhux jikkalkula l-effett tad-deċiżjonijiet ‘li qed jogħġob ftit nies għall-ispejjeż tal-ħafna’.