Żewġt irġiel inżammu taħt arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’attentat ta’ serqa minn residenza fin-Naxxar
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima Jonathan Degiorgio ta’ 38 sena residenti Santa Venera u Ibrahim El-Degwi ta’ 59 sena residenti x-Xagħra Għawdex kienu akkużati li wettqu serqa minn residenza fi Triq il-Buzjett, in-Naxxar.
Dan hekk kif is-Sibt għall-ħabta tad-9:15 ta’ filgħodu l-Pulizija daħlilhom rapport li kienet qed titwettaq serqa, b’żewġ persuni allegatament sgassaw bieb ta’ residenza u daħlu ġewwa.
Intant, il-Pulizija li waslu minnufih fil-post innutaw żewġ persuni fl-istess triq li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħatat.
Fil-Qorti instema’ kif filwaqt li l-pulizija sabu d-dar imħarbta, sid id-dar qalet li ma sabet xejn nieqes.
L-akkużati wieġbu mhux ħatja u talbu għall-ħelsien mill-arrest, bid-difiża semmiet kif Degiorgio jieħu ħsieb lil missieru waqt li El-Degwy jaħdem mal-familja ta’ martu.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri, filwaqt li qalu li Degiorgio ukoll qed jiġi akkużat li kiser 4 kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, waqt li El-Degwy għandu fedina penali kkulurita.
Finalment il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba tad-difiża.
//= $special ?>