Basketball Sport

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel – Play-offs: Bidu pożittiv għal Luxol Sherries Estates u Hibernians

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Luxol Sherries Estates 73

Starlites JSD 53

(19-6)(21-18)(14-14)(19-15)

L-ewwel rebħa fis-semifinali tal-play-offs tal-Kampjonat Bank of Valletta marret għand Luxol Sherries Estates li għelbu lic-champions renjanti Starlites JSD 73-53. It-tim ta’ Luxol, immexxija tajjeb minn Nathan Xuereb ħasdu lill-avversarji b’bidu mill-aqwa u minkejja kull sforz, Starlites qatt ma rnexxielhom isalvaw ir-riżultat. Qabel il-partita, inżammet minuta silenzju b’rispett għal Louis Azzopardi li miet fl-istess ġurnata. Azzopardi, mhux biss kien diriġent rett tal-club ta’ Luxol, iżda għamel ukoll diversi snin fil-Kunsill tal-MBA u akkumpanja għal diversi drabi t-timijiet nazzjonali.

Starlites għadhom jistennew biex ikunu jistgħu jużaw it-tielet player Amerikan Zachias Owens li ħa post Chris Paul u diġà libes il-flokk tagħhom fil-passat. Luxol kellhom wirja dixxiplinata u wara li sofrew l-ewwel basket tal-partita minn Matthew Scerri, għamlu run qawwija ta’ 17-0 li bla dubju kellha impatt fuq ir-riżultat finali. Huma kellhom il-punti ta’ Darron Howard Caleb Mccrary flimkien mat-trippli ta’ Vukassin Jandric u Stefan Cappello għal skor ta’ 19-6.

Startlites ippruvaw jirkupraw fil-bidu tat-tieni taqsima meta għamlu tmien punti mingħajr risposta fosthom trippla minn Matthew Scerri u baskets ta’ Trevon Reddish. Luxol għajtu time-out u wieġbu bi break ta’ 10-2 fosthom trippla ta’ Xuereb biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 14 -il punt 29-15. It-trippli ta’ Luxol komplew ġejjin minn Xuereb u Jandric bi Starlites isibu diffikultà speċjalment fid-difiża bit-taqsima tintemm bil-Luxol fuq quddiem 40-24.

Wara l-intervall, Luxol bdew b’żewġ three pointers oħra minn Cappello u Howard. Ir-risposta ta’ Starlites kienet break qasir ta’ 8-3 li ftit li xejn ressaqhom viċin l-avversarji. Mccrary wieġeb għal Luxol li temmew l-ewwel sessjoni 54-38 minn fuq. L-aħħar sessjoni rat lil Luxol jikkontrollaw tajjeb l-isforzi tal-avversarji fil-waqt li jkomplu iżidu l-punteġġ bi trippli minn Howard u Xuereb. Luxol kellhom vantaġġ komdu u setgħu jikkontrollaw sat-tmiem u joħorġu r-rebħa fuq skor finali ta’ 73-53.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 19, A. Azzopardi 2, I. Azzopardi, V. Jandric 8, JP Schembri, N. Xuereb 20, N. Bukva, C. Jones Mccrary 16, M. Matijevic 2, S. Cappello 6, N. Djakovic.

Starlites JSD: B. Curran 5, S. Aquilina, A. Aquilina, K. Fabri, I. Felice Pace, M. Fabri 2, L. Riolo, M. Scerri 18, K. Xuereb 6, N. Sultana, A. Sultana, T. Reddish 22.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Nestor Rincon

Sigma Depiro 57

Hibernians 79

(8-21)(14-20)(13-22)(22-16)

Hibernians ukoll bdew l-impenji tagħhom fil-play-offs b’rebħa hekk kif għelbu lil Sigma Depiro 79-57. Ħafna mid-differenza għamilha l-Amerikan Tederick Wolfe li waħdu għamel punti aktar mit-tliet Amerikani ta’ Depiro. Fil-fatt mat-total ta’ 37 punt kellu 17-il rebound u 4 assists. Ir-rebħa ta’ Hibs kienet meritata hekk kif huma kienu minn fuq tul il-partita kollha.

Wara bidu kwiet fejn Hibs ħadu vantaġġ ta’ basket 5-3, trippla ta’ Wolfe bdiet run ta’ 9-0 mill-Pawlisti li fetħu vantaġġ ta’ 11-il punt. Depiro waqqfuhom b’basket ta’ Brandon Porter, però Matthew Gouder malajr wieġeb bi trippla għal Hibs li temmew l-ewwel taqsima 21-8 minn fuq. Depiro fetħu t-tieni sessjoni bi trippla ta’ Cameron Cornelius qabel ma Wolfe u Gouder wieġbu għal Hibs biex ħallewhom 30-13 minn fuq. Depiro kellhom break qasir ta’ 6-2 bil-punti ta’ Nikola Bozovic u David Bugeja. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet minn Anton Axiaq, Ivan Demcesen u trippla ta’ Wolfe biex fil-halftime kienu fuq quddiem 41-22.

Wara l-intervall, Hibs saħħew il-vantaġġ tagħhom bi break ta’ 13-2 bi trippla ta’ Matthew Attard flimkien ma’ Wolfe u Demcesen. Depiro ftit setgħu jirrispondu għalkemm kellhom punti minn Bozovic u Cornelius, Hibs kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Gouder u punti minn Demcesen għal skor ta’ 63-35.

L-aħħar sessjoni rat lil Depiro jibdew bi trippli minn Michael Debattista u Sean Galea. Hibs wieġbu bil-punti ta’ Miguel Mallia hekk kif il-coach ta’ Hibs Christian Narcisio serraħ diversi players regolari u daħħal diversi players żgħażagħ fuq il-court. Depiro għalqu l-partita b’seba’ punti konsekuttivi qabel ma Teo Gjurovski għalaq il-partita bi trippla fl-aħħar sekondi biex Hibs rebħu l-partita 79-57.

Sigma Depiro: S. Galea 3, D. Bugeja 3, N. Bozovic 16, N. Zivkovic, L. Stefanovic, A. Trapani, B. Porter 9, M. Brincat 5, C. Cornelius 10, M. Debattista 3, J. Guity 8.

Hibs: N. Cassar 3, T. Wolfe 37, P. Attard, L. Farrugia, V. Kustodija, A. Axiaq 6, M. Gouder 9, M. Attard 3, T. Gjurovski 3, M. Mallia 2, I. Demcesen 14, S. Simic 2.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia