Basketball Sport

Kampjonat Louis Borg Nisa U/23: Luxol jibdew il-finali b’rebħa

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Luxol 84

Hibernians 48

(30-11)(22-10)(22-10)(10-17)

Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ fil-finali tal-Kampjonat Louis Borg ta’ taħt it-23 sena tan-nisa, kampjonat li ilu jkun dominat minn Starlites għal ħames staġuni konsekuttivi.  Dan l-istaġun però t-tim ta’ Starlites ma jistgħux jiddefendu t-titlu hekk kif ġew eleminati minn Hibernians fis-semifinali fi tmiem ta’ partita drammatika li rat lil Hibs joħorġu rebbieħa 60-58 b’basket fl-aħħar azzjoni tal-partita.

Luxol fetħu qawwi fil-partita b’diversi punti ta’ Sarah Fenech Pace u Vanya Baldacchino.  Għal Hibs kienet Andie Saliba li rrispondiet  fosthom bi trippla, però sas-sitt minuta Starlites kienu 17-7 minn fuq. Huma komplew ikabbru l-vantaġġ wara żewġ trippli minn Jada Said u punti ta’ Michela Marmara għal skor ta’ 30-11 fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Fit-tieni taqsima wara basket fuq kull naħa minn S. Fenech Pace u Marie Buhagiar, kien hemm trippla fuq kull naħa minn Lisa Fenech Pace u Eliza Farrugia. Luxol komplew bi break ta’ 12-2 bi trippla ta’ Gwenn Carabott biex daħlu jistrieħu 52-21 minn fuq. 

Wara l-intervall Hibs għamlu 5 punti mingħajr risposta però Luxol malajr irrispondew bill-punti ta’ Lisa u Sarah Fenech Pace flimkien ma’ Ella Abela. Mill-ġdid kienet Saliba li waqqfithom, però Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ bi 12-il punt mingħajr risposta biex temmew il-perjodu 74-31. L-aħħar taqsima kienet l-anqas waħda li offriet punti hekk kif Luxol kienu ċerti mir-rebħa u b’uħud mill-players impenjati wkoll fil-play-offs tal-kampjonat nazzjonali, il-coaches rispettivi għamlu xi tibdiliet biex  Luxol baqgħu jikkontrollaw u ħarġu rebbieħa 84-48. 

Luxol: G. Carabott 3, L. Fenech Pace 6, M. Marmara 2, H. Galea, J. Said 9, E. Abela 6, S. Fenech Pace 24, L. Bitzberger 12, V. Baldacchino 11, S. Sciberras, R. Fenech Pace 8, A. Fenech Pace 3.

Hibernians: M. Buhagiar  8, A. Mallia, A. Saliba 31, N. Mansour 2, E. Farrugia 3, D. Buttigieg 2, J. Dabic, M. Mendez, M. Farrugia 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia