Formula 1 Sport

Lando Norris jirbaħ l-ewwel tellieqa tal-istaġun 2025 b’rebħa fl-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel tellieqa tal-istaġun 2025, fil-Grand Prix tal-Awstralja, Lando Norris temm fl-ewwel post, bis-sewwieq ta’ McLaren jitħol fil-ħin ta’ 1:42:06.304. Norris beda l-istaġun fuq sieq tajba hekk kif diġa akkumula 25 punt wara r-rebħa tiegħu.

Iċ-champion attwali Max Verstappen temm fit-tieni post b’distakk ta’ 0.895s, segwit minn sewwieq ingliż ieħor, Geroge Russel fit-tielet post.

Alex Albon ta’ Williams daħal fir-raba’ post.

Aħbar tajba għad-debuttant ta’ Mercedes Andrea Kimi Antonelli, is-sewwieq ta’ 18-il sena temm fil-ħames post biex beda l-istaġun b’għaxar punti.

Lance Stroll ta’ Aston Martin u Nico Hulkenberg ta’ Sauber temmew fis-sitt u seba’ post rispettivament.

Bidu diżappuntanti għas-sewwieqa ta’ Ferrari Charles Leclerc u Lewis Hamilton. Wara intervista fejn Hamilton stqarr li għadu mhux kunfidenti mal-karozza u mal-iskwadra l-ġdida, din kienet evidenti anke fit-tellieqa, hekk kif s-seba’ darbiet champion tad-dinja temm fl-għaxar post biex akkumula punt wieħed biss, b’sieħbu tal-istess tim Charles Leclerc jispiċċa t-tmien post.

Bejniethom kien hemm is-sewwieq ta’ McLaren Oscar Piastri.

Kien hemm numru ta’ sewwieqa li ma spiċċawx it-tellieqa, fosthom is-sewwieq ġdid ta’ Red Bull Liam Lawson, Gabriel Bortoleto ta’ Sauber, Fernando Alonso ta’ Aston Martin u Isack Hadjar għal Racing Bulls. Jake Doohan ta’ Alpine, Carlos Sainz ta’ Williams  ukoll ma temmewx it-tellieqa fl-ewwel prova tagħhom mat-timijiet ġodda.