Mara nżammet taħt arrest wara li tressqet l-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima b’akkużi relatati mad-drogi.
April Farrugia, li għanda 35 sena u li hija mill-Gżira kienet mixlija li Nhar il-Ġimgħa li għadda, u fil-ġimgħat u xhur ta’ qabel, kellha fil-pussess tagħha l-kokaina u l-eroina f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għall-użu esklussiv tagħha.
Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar żewġ residenzi li fihom kien hemm diversi nies li huma magħrufin li jieħdu d-droga.
Hemmhekk il-mara nstabet ma’ raġel b’ammont ta’ droga li ma kinitx għall-użu personali esklussiv tagħhom. Minbarra hekk, fir-residenza nstabu 20 gramma droga kokaina li kienet qed tiġi konvertita fi crack cocaine u 3 grammi eroina.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-akkużata taf dwar il-problema ta’ droga li għandha u tixtieq tindirizzaha.
Iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għar-raġuni li fir-rejds ġew arrestati diversi persuni u l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri. Minbarra hekk, ir-raġel li nstab magħha kien qed jinżamm l-isptar.
Finalment, il-Maġistrat Astrid May Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Aktar minn hekk, ħarġet ordni għall-iffriżar tal-assi tal-mara.
//= $special ?>