L-analisti politiċi u tal-media fl-Istati Uniti huma mħassbin li l-Gvern tal-President Amerikan Donald Trump qed jiddikjara ‘gwerra’ fuq l-espressjoni ħielsa…Dan b’mod partikulari fil-konfront tas-sezzjonijiet tal-media li qed iwasslu l-fatti kif inhuma u li ‘ilhom jurtaw’ lill-istess Trump kif ukoll lill-biljunarju Elon Musk, li sar it-tieni l-aktar persuna influwenti fl-Ammininistrazzjoni ta’ Washington.
Intant, l-inkwiet kompla jikber wara li Trump iffirma direttiva biex il-funzjoni tal-organizzazzjoni Voice of America — li twassal l-aħbarijiet indipendenti u globali – titnaqqas għall-aktar livell bażiku.
Il-Voice of America – jew VOA – hi finanzjata mis-sorsi federali u d-direttiva tal-President hi mirata għall-US Agency for Global Media, li tikkontrolla l-operat ta’ dik l-organizzazzjoni. L-Aġenzija inkwistjoni, jew parent company, anki tiffinanzja lill-entitajiet tal-media li jaħdmu mingħajr qligħ, fosthom Radio Free Europe u Radio Free Asia li twaqqfu oriġinarjament biex jikkumbattu l-komuniżmu.
Anki l-kapijiet ta’ dawn l-entitajiet qed ikunu mwissija biex ‘inaqqsu l-operat sal-minimu tal-preżenza u funzjoni (għall-media) rikjesta bil-liġi’. Dan meta Mike Abramowitz, id-direttur tal-VOA, ikkonferma li hu u kważi l-istaff kollu tal-organizzazzjoni kienu sfurzati li jieħdu l-leave bi ħlas.
Abramowitz, flimkien ma’ diversi protatonisti u nies magħrufin relatati mal-media Amerikana u internazzjonali, qablu li l-executive order ta’ Trump ifisser li l-VOA ma tistax aktar twettaq il-missjoni kruċjali biex twassal il-verità tal-fatti u li hi ħaġa mill-aktar kritika għal dawn iż-żmenijiet.
Huma enfasizzaw li organizzazzjonijiet tal-media bħall-VOA huma importanti ħafna fi żmien meta l-avversarji tal-Istati Uniti – ir-Russja, iċ-Ċina u l-Iran – qed jinvestu l-biljuni tad-dollari f’sorsi ta’ diżinformazzjoni li qed joħolqu n-narrativi foloz biex juru lill-Istati Uniti fl-agħar dawl possibbli.
Għalissa ma hemm l-ebda spjegazzjoni mill-Gvern ta’ Trump u meta ħadd ma kien jaf jekk l-imsemmija stazzjonijiet kienux qed jingħalqu għal kollox.
Magħruf biss li l-ħaddiema tal-VOA kienu notifikati bl-aħħar żviluppi permezz ta’ email, bis-sorsi infurmati jsiru jafu li l-ħaddiema freelance u l-kuntratturi internazzjonali ngħataw il-messaġġ li ‘ma kienx hemm aktar flus biex huma jitħallsu’.
Dan waqt li l-Kapijiet ta’ Radio Free Asia u Radio Free Europe/Radio Liberty kienu infurmati li l-grants federali tagħhom spiċċaw terminati.
Il-VOA u stazzjonijiet kontrollati mill-US Agency for Global Media iwasslu l-aħbarijiet lil xi 400,000,000 semmiegħa u meta huma ftit jew wisq ekwivalenti għall-BBC World Services li, f’parti, huma finanzjati mill-Gvern Britanniku.
Intant, is-sorsi f’Washington li ma riedux jidentifikaw ruħhom qalu li Trump u Elon Musk iridu jagħmlu minn kollox biex joħonqu kull vuċi ta’ oppożizzjoni u sinjali ta’ dissens għall-aħħar deċiżjoniet tal-Gvern….Deċiżjonijiet li s-sorsi fissruhom bħala ‘perikolużi’ u li ‘qed iħallu impatt negattiv għall-mijiet tal-eluf ta’ Amerikani’.
Fil-fatt, Elon Musk – il-konsulent ewlieni ta’ Trump li ilu l-aħħar ġimgħat jagħlaq jew inaqqas mill-funzjoni tad-dipartimenti tal-Gvern – ilu juża l-websajt tiegħu ‘X’ biex jinsisti għall-għeluq tal-Voice of America.
Il-President Trump ukoll kien u għadu kritiku kbir tal-VOA u l-aħħar deċiżjoni tiegħu hi simili għad-direttivi preċedenti mill-White House biex jinqata’ l-finanzjament lil diversi aġenziji federali oħrajn, fosthom l-aġenziji intiżi biex jevitaw sitwazzjonijiet fejn faxxa kbira ta’ Amerikani qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.
//= $special ?>