Lokali

INTERVISTA: Bidla li bdiet tinħass

“Il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm il-valuri u l-prinċipji tiegħu fid-dinja tal-lum. Dawk il-valuri rridu napplikawhom fid-dinja tal-lum biex jibqgħu rilevanti. Minkejja li dik il-bażi trid tibqa’ hemm hekk, dak li aħna sawwarna rridu napplikawh fid-dinja tal-lum b’mod li jibqgħu rilevanti. Inkella l-Partit tagħna jkun barra minn żmienu.
“Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li ma jridx jinsa l-għeruq tiegħu u ma jitbiegħedx mill-prinċipji bażiċi tiegħu, fl-istess waqt irid li dawn ikunu aġġustati u maħdumin għad-dinja li qed ngħixu fiha llum. Aħna nservu lill-valuri filwaqt il-valuri jridu jkunu ta’ għajnuna għall-poplu Malti u Għawdxi kollu; għal pajjiżna.
“Aħna qegħdin fil-politika biex inservu lin-nies u allura għandna nagħżlu l-valuri tagħna u nassiguraw li dawn jitħaddmu biex il-politiku jservi lin-nies bl-aqwa mod possibbli.”
Hekk qalli Charles Bonello, is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Partit Nazzjonalista meta f’dawn il-jiem intervistajtu għal Il-mument wara l-ħatra ferm importanti tiegħu mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħamis li għadda.
Mistoqsi min hu Charles Bonello, is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN qal li hu joqgħod il-Fgura. Missier ta’ tifla – Bernice – u għandu 53 sena. Għamel numru ta’ snin jaħdem fis-Segretarjat tal-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u għamel żmien ieħor jaħdem fin-negozju tal-familja.
“Issa llum qiegħed f’din il-kariga impenjattiva u ta’ responsabbiltà kbira tant li domt ftit nirrifletti jekk kellix nagħmel dan il-pass. Darba mbagħad iddeċidejt li nieħu dan il-pass, allura issa qegħdin hawn biex naħdmu kemm nifilħu ħalli nilħqu l-iskopijiet tagħna. Dan fis-sens li nkunu Partit ippreparat; alternattiva tajba u serja biex fl-Elezzjoni Ġenerali li ġejja nirbħu l-Gvern taħt id-direzzjoni u t-tmexxija tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.”
Charles Bonello fisser li dak li wasslu biex jidħol għal din l-isfida kien il-fatt li kellu ħafna inkoraġġiment min-nies li sa mill-festi tal-Indipendenza li għadda bdew javviċinawh u jinkoraġġuh biex jidħol għal dan ir-rwol.
“Niftakar tant tajjeb li darba Karl Gouder ġie nieqes – u jien insellimlu minn hawn hekk u nemmen li kemm-il darba kien inħatar hu f’dan ir-rwol kien jagħmel xogħol mill-aqwa – bdew jiġu fuqi partitarji u oħrajn iħeġġuni biex nidħol għal dan ir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali.

Inkoraġġiment
“In-nies li avviċinawni biex nidħol għal dan l-impenn kienu minn kull strada tal-ħajja, inklużi bosta involuti fl-istrutturi tal-Partit. Għall-ewwel ma tajtx kas din is-sejħa, iżda mbagħad f’Jannar li għadda ġejt avviċinat biex nidħol għal dan ir-rwol u eventwalment iddeċidejt li b’umiltà nidħoll għal din l-isfida,” fisser Charles Bonello.
Hu kompla li minnufih beda jindaga dwar x’kienet tfisser din il-kariga u l-impenji li ġġorr magħha. Għaliex hemm differenza li tħares lejn din il-kariga minn barra, minn dik li tidħol fiż-żarbun tagħha u timmilita minn ġewwa fiha bir-responsabbiltajiet kollha li rwol bħal dan iġib miegħu.
“Ngħidlek il-verità li fid-dawl ta’ dan ix-xenarju għamilt perjodu nitkellem ma’ Eks Segretarji Ġenerali u ma’ Eks Assistenti Segretarji Ġenerali u smajt mingħandhom l-opinjonijiet tagħhom. Smajt ħafna mingħandhom ħalli finalment niddeċiedi jien. Imma l-ewwel ridt nisma’ ħafna mingħand dawn in-nies. Finalment iddeċidejt u aċċettatajt b’entużjażmu kbir.”
Mistoqsi llum fl-era moderna x’inhu mistenni mis-Segretarju Ġenerali, Charles Bonello fisser li r-rwol ta’ Segretarju ta’ Ġenerali hu dak ta’ fus tal-Partit. “Għandek lill-Kap tal-Partit li jmexxi lill-Partit u li jidderieġi lill-Partit. Imma mbagħad hemm diversi rwoli oħra ferm importanti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Ġenerali, fosthom l-aspet tal-finanzi, fosthom l-aspett ta’ kif se nwasslu l-messaġġ.
“Ix-xogħol prinċipali tas-Segretarju Ġenerali hu dak li jara li fuq bażi ta’ jum għall-jum hemm organizzazzjoni li miexja tajjeb u li tkun qed tinbena kif wieħed jistenna. Ma ninsewx li hemm numru ta’ time frames li jridu jintlaħqu akkost ta’ kollox. Hemm ukoll il-fatt li l-Partit ikun qiegħed jiffunzjona u anki f’termini tat-twassil tal-messaġġ tiegħu bit-televiżjoni, bir-radju u bil-gazzetti tiegħu biex hekk jilħaq l-akbar udjenzi possibbli,” qal Charles Bonello.
Hu kompla li s-Segretarju Ġenerali jrid jaħdem qatigħ ukoll biex jassigura li bil-ħidma kollha li tkun qed titwettaq, il-Partit ikun qiegħed jiżra’ t-tama fin-nies. “Irridu nżommu l-ewwel nett lin-nies tagħna. Imma hu importanti li nattiraw il-fiduċja wkoll ta’ nies oħrajn li jibdew jafdawna u jagħtuna s-sostenn tagħhom.
“Ninsabu ngħixu f’mumenti mill-aktar straordinarji u tajjeb li wieħed japprezza li jien qiegħed nidħol f’dan ir-rwol fi żmien meta l-Elezzjoni Ġenerali tista’ tissejjaħ fi żmien sentejn oħra l-aktar. Jiġifieri jien mhux se jkolli għad-dispożizzjoni tiegħi l-ħames snin ta’ ħidma. Għandi quddiemi perjodu ferm iqsar iżda konxju mill-fatt li bħala Partit mhux se jkun qiegħed jibda jiffunzjona issa.
“Hawnhekk irrid insellem lil Michael Piccinino li tul is-snin li għaddew ħadem u għamel biċċa xogħol tajba ħafna. Daħal f’dan l-uffiċċju fi żminijiet iebsa. Madankollu ma qatax qalbu. Ħadem u ħadem u r-riżultat bdew jinkisbu. Insellimlu u nirringrazzjah għal dak kollu li għamel u nawguralu wkoll għall-futur tiegħu, sostna Charles Bonello.
Hu kompla li hu kburi li fil-Partit beda minn membru tesserat fil-Kumitat tal-Fgura fejn qatta’ dawn is-snin kollha u kellu jirriżenja biss issa minħabba li ħa dan ir-rwol ġdid ta’ Segretarju Ġenerali. Jien qatt ma ridt nitlaq il-bażi ta’ minn fejn bdejt. Għalija l-għeruq kollha ta’ ġewwa fija bdew minn hemm hekk u b’dan jien kburi.
Charles Bonello kompla li hu se jibqa’ viċin in-nies u fuq kollox mhux se jabbanduna l-punt ta’ minn fejn telaq u beda l-karriera tiegħu fil-politika.
Mistoqsi dwar il-valuri li jħaddan, Charles Bonello qal li l-Partit Nazzjonalista hu msawwar fuq il-valuri tad-Demokrazija Kristjana u għalhekk ma jistax jitbiegħed minn dawk il-valuri, inkella jispiċċa qisu qasba tixxejjer mar-riħ.
Il-Partit Nazzjonalista jrid iżomm il-valuri u l-prinċipji tiegħu fid-dinja tal-lum. Dawk il-valuri rridu napplikawhom fid-dinja tal-lum biex jibqgħu rilevanti. Minkejja li dik il-bażi trid tibqa’ hemm hekk, dak li aħna sawwarna rridu napplikawh fid-dinja tal-lum b’mod li jibqgħu rilevanti. Inkella l-Partit tagħna jkun barra minn żmienu.
“Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li ma jridx jinsa l-għeruq tiegħu u ma jitbiegħedx mill-prinċipji bażiċi tiegħu, fl-istess waqt irid li dawn ikunu aġġustati u maħdumin għad-dinja li qed ngħixu fiha llum. Aħna nservu lill-valuri filwaqt l-valuri jridu jkunu ta’ għajnuna għall-poplu Malti u Għawdxi kollu; għal pajjiżna.
“Aħna qegħdin fil-politika biex inservu lin-nies u allura għandna nagħżlu l-valuri tagħna u nassiguraw li dawn jitħaddmu biex il-politiku jservi lin-nies bl-aqwa mod possibbli.”
Charles Bonello kompla “li jistgħu jiġu mumenti meta dak li jkun ma jkunx popolari, iżda finalment jien nemmen li s-sewwa jirbaħ żgur; is-sewwa jirbaħ dejjem.”
Mistoqsi dwar il-ħidma li hu jrid iwettaq id f’id mal-Kap tal-Partit Bernard Grech, Charles Bonello qal li hu sar jaf lil Bernard Grech meta kienu l-Iskola. Imbagħad huma nqatgħu u reġgħu ltaqgħu meta Bernard Grech daħal fl-arena politika fejn reġgħet bdiet relazzjoni ta’ ħidma id f’id.

Karigi li jridu jimxu id f’id
“Il-kariga ta’ Kap tal-Partit u dik ta’ Segretarju Ġenerali huma karigi differenti, iżda dawn huma karigi li jridu jimxu id f’id. Funzjonijiet differenti u jien irrid naħdem taħt id-direzzjoni tal-Kap tal-Partit u nassigurak li dan kollu se jkun qed isir biex naslu għall-Elezzjoni Ġenerali.”
Charles Bonello, mistoqsi dwar il-protesta tad-9 ta’ Marzu, qal li din hi parti mir-riħ tal-bidla. Il-poplu qiegħed ifittex il-bidla li tixraqlu. Diġà pajjiżna għadda minn mumenti importanti. Dan il-Partit ilu miexi sa mill-2013 biex jidentifika dan il-pajjiż x’kien beda sejjer u x’kien qiegħed jiġri.
“Dakinhar kien hemm min iddieħak bil-Partit iżda llum kulħadd qed jammetti li l-Partit Nazzjonalista kellu kull raġun iwissu u jwiddeb għaliex dak li wissa’ dakinhar qed jiġri llum.
“Illum ninsabu f’din il-mixja u n-nies raw b’għajnejhom u jafu li aħna ma dħakna b’ħadd għax dak li għedna li kien se jsir fil-fatt qegħdin narawh jitwettaq ma’ kull jum li qiegħed jgħaddi.
“Sadattant il-PN għamel rivoluzzjoni. Rivoluzzjoni siekta imma biż-żmien dak kollu li ngħad ħareġ u qiegħed joħroġ kollu. Bata l-pajjiż. Bata l-poplu. Kemm każijiet ta’ korruzzjoni u tixħim. Kemm każijiet ta’ serq u affarijiet ħżina oħra! Flus li ma nafux fejn marru.”
Hu qal li b’dawn il-fatti quddiemhom in-nies, in-nies qed jifhmu li aħna dejjem imxejna ta’ rġiel. Aħna qatt ma lagħbna logħba politika imma għidna biss il-verità skont l-aħjar ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
“Il-poplu ilu juri sinjali. Forsi l-akbar sinjali wrihom f’Ġunju li għadda fejn kien hemm in-nies li ħadu l-kuraġġ u qasmu t-triq u minn partit ivvotaw għal partit ieħor.
“Sadattant fadal aktar nies li għad m’għandhomx il-fiduċja sħiħa tal-PN u filwaqt li fihom tnisslet it-tama biex il-pajjiż jimxi aħjar, ftit ftit qegħdin jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista li min-naħa tiegħu jrid ikompli jaħdem u jirsisti biex ikompli jressaq lejh lil dawn in-nies li wkoll għandhom għal qalbhom il-ġid tal-pajjiż.”
Charles Bonello filwaqt li wiegħed ħidma kbira, qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej bil-politika tal-persważjoni. Mhux se naqtgħu qalbna. Irridu nwasslu messaġġi ċari lill-poplu Malti u Għawdxi kollu u li qalbna hi mal-poplu; mal-ħaddiema; mal-familji. Aħna nħobbu lil pajjiżna u b’mod ġenwin u serju u bil-ħidma tagħna nibqgħu viċin ħafna tan-nies. Hu importanti li kull Deputat u kull Kandidat ikun viċin in-nies. Imorru jħabbtu l-bibien. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Din hi l-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minna.
“Il-Partit Nazzjonalista mhux irid jirbaħ l-Elezzjoni, imma hu fl-obbligu tagħna li nirbħu din l-Elezzjoni għaliex hekk jitlob il-ġid ta’ pajjiżna. Dan se naħdem għalih qatigħ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun kburi li jifforma parti minn pajjiż fejn l-affarijiet isiru kif suppost.
“Irrid li naħdmu għal pajjiżna u rrid nara li nagħtu lura lil dan il-pajjiż gvern nadif u li jagħti lil pajjiżna r-reputazzjoni li tixraqlu. Inkunu mill-ġdid pajjiż bi Gvern serju li jfittex dejjem li fiċ-ċentru tal-politika tiegħu jkun hemm biss l-interessi tan-nies; l-interessi vera taċ-ċittadini kollha,” temm Charles Bonello.

Din l-intervista ta’ Joe Mikallef dehret f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Marzu, 2025.