Lokali

“Bl-appoġġ tal-poplu Malti l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem sabiex il-pajjiż ikollu futur aħjar” – Bernard Grech

“Il-Gvern immexxi minn Robert Abela jrid jagħlaq ħalq kull min ma jaqbilx miegħu, u jrid jibqa’ jgħaddi romblu minn fuq kulħadd. Għalhekk, illum ħassejna li kellna noħorġu mill-Parlament u ma nkunux parteċipi mal-mozzjoni “faxxista” u “vendikattiva” tal-Gvern, għax għandna dmir lejn il-poplu.”

Dan qalu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-programm Net Live ippreżentat minn Robert Cremona, hekk kif iddeskrivha l-ġurnata tal-llum bħala “mument iswed” fejn il-Gvern baqa’ waħdu fil-Parlament jattakka lill-Oppożizzjoni. Bernard Grech qal li l-grupp parlamentari nazzjonalista ħareġ ‘il barra mill-Parlament b’mod kumpatt għax ma aċċettax li jkun parti minn din il-mozzjoni li għalih hi inammissibbli.

Bernard Grech żied jgħid li għada il-Gvern se jkompli jiddiskuti din il-mozzjoni, għalkemm fi kliemu, iddeskriviha bħala theddida għad-demokrazija.

Bernard Grech fakkar li l-minoranza fil-Parlament għandha drittijiet u dmirijiet lejn il-123,000 votant li fl-aħħar elezzjoni ġenerali silfu l-fiduċja lill-Partit Nazzjonalista. Sostna li mill-banda l-oħra l-Gvern għandu obbligu jħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu.

Għaldaqstant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella għal aktar għajnuna u appoġġ mill-poplu Malti, sabiex il-PN ikun jista’ jibqa’ jaħdem għal futur aħjar f’pajjiżna.