Internazzjonali Lokali

Il-Ġorġja: Tiżdied il-priġunerija għall-eks President Saakashvili

L-eks President ta’ Ġorġja,  Mikheil Saakashvili, weħel terminu ieħor ta’ ħabs skont verdett tal-qorti u meta hu jinsab diġà fi stat ta’ priġunerija. Il-verdett ġdid impona priġunerija (addizzjonali) ta’ erba’ snin u nofs għall-eks President Ġorġjan talli qasam, illegalment, il-fruntiera meta rritorna lura pajjiżu mill-eżilju, fl-2021.

Dan meta Saakashvili diġà qed jiskonta sentenzi separati għal frodi u abbuż ta’ poter fi żmienu bħala President, bis-sentenzi ta’ ħabs, bħala total, jammontaw għal 12-il sena.

Mikheil Saakashvili dejjem ċaħad l-akkużi miġjuba kontra tiegħu u qed ifisser l-aħħar sentenza bħala ‘inġusta u illegali’. L-entitajiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, intant, fissru l-priġunerija tal-eks-President bħala ‘pass immotivat minn skop politiku’.

L-eks-President ta’ Ġorġja hu avversarju kbir tal-Partit għall-Ħolma Ġorġjana li qed imexxi lill-pajjiż u li hu favur rabtiet eqreb mar-Russja. Fil-fatt, Saakashvili, fi żmienu bħala President, kien għamel l-almu biex ikattar ir-rabtiet ta’ Tbilisi mal-Gvernijiet tal-Punent.

Saakashvili, li qed jinżamm fi sptar, fl-aħħar sigħat, qal li ‘se jiġġieled sal-aħħar’ minkejja li l-Gvern Ġorġjan mhux mistenni juri ħniena miegħu wara li hu kien sejjaħ għal dimostrazzjonijiet tal-massa kontra l-Amministrazzjoni fi Tbilisi.

L-eks President kien  mexxa lill-Ġorġja għal żewġ mandati bejn l-2004 u l-2013 filwaqt li għex għal xi żmien fl-Ukrajna. Fil-fatt, Saakashvili kien ingħata ċ-ċittadinanza Ukrena fl-2015 meta  laħaq Gvernatur tar-reġjun Ukren ta’ Odesa.