Lokali

Il-Ministru Grima jikkonferma li fis-segretarjat tiegħu hemm persuni mhux gradwati

Il-Ministru joħroġ igiddeb lill-Kunsillier tal-Labour

Fl-aħħar jiem, Net News żvela numru ta’ recordings li waslu għandna mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li juri l-mod li bih il-Ministru Clifton Grima qed imexxi preżentament il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Mod li ġie meqjus mill-eks Chief of Staff ta’ Grima stess, u li hu wkoll Kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, Ryan Borg, bħala sitwazzjoni fejn l-affarijiet żgur mhux forsi mhumiex mexjin fuq ir-rubini.

Affaċċat mill-midja, il-Ministru Grima kkonferma li hemm min hu gradwat fis-segretarjat tiegħu, iżda fl-ebda mument ma qal li l-ħaddiema kollha huma gradwati. U minflok iġġustifika dan in-nuqqas bix-xufier tiegħu.

Fil-leaks li waslu għand Net News, Ryan Borg saħansitra saħaq li l-problemi li dan il-Ministeru qed jaffaċċja preżentament mhux kollha tort tal-Ministru Grima, imma parti minnhom huma wkoll tas-Segretarju Permanenti Matthew Vella; għaliex fi kliemu dan ma jafx – madanakollu jisħaq li fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn Grima.

F’dawn ir-recordings Ryan Borg jisħaq li kulħadd irid jitlaq mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Ryan Borg minn naħa tiegħu insista li fix-xhur li għaddew kemm-il darba ttanta jispjega u jiftaħ għajnejn il-Ministru Clifton Grima sabiex jitranġaw l-affarijiet. Madankollu r-risposta tal-Ministru kienet li tah daqqa ta’ sieq ‘il barra għaliex skont Borg jippreferi jiddawwar bi sħabu li huma inkompetenti.