Għal sena oħra, l-Old Motors Club se tkun qed torganizza Static Show ta’ bosta karozzi klassiċi, b’risq id-Dar tal-Providenza. Dan ifisser li kull tip ta’ donazzjoni u ġbir mill-attivitajiet li se jseħħu f’dan ix-show se jmorru kollha għad-Dar tal-Providenza.
Ix-show se jseħħ l-Erbgħa d-19 ta’ Marzu bejn 9am-12pm, fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp fil-parkeġġ tal-istess Dar tal-Providenza.
L-iStatic Show se jkun qed jinkludi ‘l fuq minn 120 karozza klassika biż-żminijiet ivarjaw mill-1920 sal-1990.
Apparti dan ix-show, il-Old Motors Club se tkun qed torganizza numru ta’ Car Boot Sales fl-istess parkeġġ biex dawk li jixtiequ jixtru xi memorabbilja jew partijiet ta’ karozzi jkunu jistgħu jagħmlu dan, bil-flus kollha jmorru għad-Dar tal-Providenza.
Se jkun hemm ukoll servizz speċjali li se jagħti l-opportunità lil dawk preżenti jmorru dawra b’karozza tal-linja Bedford OB tal-1940’s, permezz tal-membru tal-klabb Reniel Pisani li qed joffri din il-karozza biex jinġabru iżjed fondi għad-Dar tal-Providenza.

Il-karozza tal-Linja Bedford OB tal-1940’s
Finalment se jkun hemm ukoll irkant ta’ MG Midget Klassiku, mogħti minn membru tal-klabb li ilu żmien twil jagħti kontribut lejn il-klabb. Id-dħul kollu mill-irkant għal darb’oħra se jgħaddi għall-karità.
L-Old Motors Club Malta jistieden lid-dilettanti tal-karozzi u lill-pubbliku ġenerali biex jattendu u jikkontribwixxu għal dan l-avveniment ta’ karità sinifikanti, filwaqt li jassiguraw ġurnata mimlija nostalġija tal-karozzi klassiċi filwaqt li jappoġġjaw kawża importanti.
Għal iżjed dettalji tistgħu tidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook, https://www.facebook.com/oldmotorsclubmalta, jew inkella tikkuntatjaw lil Aldo Pace, il-koordinatur tal-avveniment, fuq 79047473.
