Lokali

“Il-Parlament huwa post ta’ djalogu u m’għandux jintuża mill-Gvern biex jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Wara li l-Oppożizzjoni ħarġet ‘il barra mill-Parlament bħala protesta ċara quddiem il-mozzjoni mressqa mill-Grupp Parlamentari Laburista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li “Il-Parlament huwa post ta’ djalogu u m’għandux jintuża mill-Gvern biex jagħlaq ħalq il-Oppożizzjoni”.

“F’demokrazija moderna il-maġġoranża għandha twieġeb għad-domandi tal-minoranza, u għaldaqstant, il-mozzjoni mressqa mill-Gvern illum hija attakk fuq id-demokrazija ta’ pajjiżna” qal Bernard Grech.

Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, din il-mozzjoni hija tenattiv biex dan il-Gvern bħal ma prova jagħlaq ħalq diversi instituzzjonijiet, prova jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni għaliex sempliċiment ma’ taqbilx miegħu.

“Kien għalhekk illi ma aċċetajnix li nkunu parti minn din il-mozzjoni li għalina hija ammissibbli u ħriġna barra mill-Parlament.”

Bernard Grech irrimarka li l-Gvern immexxi minn Robert Abela hu Gvern li jaħseb li jista’ jibqa’ jirfes fuq kulħadd, “iżda l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun l-vuċi tal-poplu u se jibqa’ jagħtiħ ċ-ċans sabiex l-poplu stess isemma’ leħnu. F’demokrazija Ewropea moderna filwaqt li l-maġġoranża tiggverna, il-minnoranza għandha drittijiet u l-Gvern għandu obbligu li mhux biss iwieġeb u jaċċetta diskussjonijiet fuq materji serji, iżda wkoll iħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu.”