Lokali Qorti

Il-prosekuzzjoni tiddikjara provi ġodda wara li l-Istati Uniti bagħtet dokumenti u pen drive fil-każ ta’ Daniel Joe Meli

Meta kollox kien kważi lest biex il-Qorti ttemm il-każ ta’ Daniel Joe Meli ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, li jinsab akkużat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web fil-konfront tal-Istati Uniti, il-prosekuzzjoni qalet li kienet se tressaq provi ġodda kontrih.

Dan wara li skont l-istess prosekuzzjoni l-Istati Uniti bagħtet dokumenti u anke pen drive aktar kmieni dan ix-xahar, liema pen drive lanqas l-istess prosekuzzjoni ma taf x’fiha. Il-Maġistrat Leonard Caruana kien mistenni jagħti d-deċiżjoni finali, jekk Meli kienx se jiġi estradit dalwaqt.

U jekk l-estradizzjoni tiġi aċċettata u Meli jiġi estradit, dan isegwi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Istati Uniti. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tiskeda seduta sabiex tressaq evidenza ġdida kontra Daniel Joe Meli.

Il-Qorti laqgħet it-talba u t-Tnejn, il-prosekuzzjoni ħarket żewġ xhieda fil-konfront ta’ Meli. Ix-xhud Maria Baldacchino Bonniċi f’isem il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, ippreżentat il-file kunfidenzjali ta’ Meli, il-kopja originali tat-talba li ressqet l-FBI għall-estradizzjoni tiegħu, kif ukoll nota oħra datata fl-10 ta’ Marzu li għadda, fejn permezz tagħha, mill-ġdid, l-FBI reġgħet insistiet li Meli jintbagħat lejn l-Istati Uniti sabiex jgħaddi ġuri.

Il-qorti qalet lil Baldacchino Bonnici li jekk hemm xi dokumenti dawn iridu jitħallew il-Qorti u tingħata kopja lid-difiża. Ix-xhud qal li s-Segretarju Permanenti qalilha li dawn id-dokumenti għandha tgħaddihom lill-Qorti biss. Hawn il-Qorti ma qablitx u qalet lix-xhud li jekk id-difiża ma jkollhiex aċċess għalihom f’din is-seduta, allura ma jkunx hemm okkażjoni oħra fejn tista’ tagħmel dan.

Ix-xhud ingħatat ftit ħin biex tagħmel kuntatt mas-Segretarju Permanenti li minn naħa tiegħu qalilha biex tmexxi. L-Avukat Daphne Baldacchino, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ippreżentat ukoll numru ta’ dokumentazzjoni inkluż USB li rċeviet mingħand l-FBI u qalet li fit-tali teknologija hemm malware. Spjegat li l-USB tista’ tinfetaħ biss jekk il-Qorti taħtar espert.

Fid-dawl tal-aħħar dokumentazzjoni, id-difiża mmexxija mill-Avukat Arthur Azzopardi qalet li sabiex it-tali dokument jiġi mdaħħal fil-proċeduri jeħtieg il-permess tal-Magistart Lara Lanfranco u l-Maġistart Donatella Frendo Dimech. Madanakollu, id-difiża fakkret li ż-żewġ Maġistarti diġà taw l-ordni li kwalunkwe prova miġbura minnhom ma tintużax bħala evidenza fil-proċeduri quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.

Id-difiża spjegat li saħansitra l-esperti Martin Bajada kif ukoll Keith Cutajar, it-tnejn maħtura mill-Qorti, kienu mwaqqfa milli jixhdu fil-proċeduri fuq ordni tal-istess żewġ Maġistrati. Fuq dawn ir-raġunijiet, id-difiża talbet l-isfilz tat-tali evidenza ppreżentata f’dan l-istadju.  

Minn naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni talbet lill-Maġistart Caruana, taħtar espert sabiex jiftaħ il-USB, wara li ddikjarat li ma tafx eżatt x’fiha għaliex ma fetħithiex minħabba dak li qed jingħad li fiha, mill-FBI. Id-difiża opponiet ghat-talba, u fakkret li meta l-Qorti laqgħet it-talba sabiex il-prosekuzzjoni tressaq provi ġodda, tat biss seduta waħda.

Hu mifmuh li jekk il-Qorti tilqa’ t-talba għal ħatra ta’ espert, se jittawlu aktar il-proċeduri ta’ estradizzjoni għal Daniel Joe Meli, u dan wara li d-difiża sostniet li t-tali provi setgħu tressqu fl-istadju li tal-provi tal-prosekuzzjoni.  

Il-Maġistrat Leonard Caruana se jagħti deciżjoni dwar l-provi ġodda fil-jiem li ġejjien.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri, l-Ispettur Robinson Mifsud u l-Avukati Daphne Baldacchino u John Scerri de Caro mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Meli qed ikun assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono.