Lokali

Imut Alfred Bugeja “Il-Porporina”

Kmieni dalgħodu ħarġet l-aħbar li kien miet Alfred Bugeja – eks priġunier imlaqqam “Il-Porporina”, u li kien ilu dieħel u ħiereġ il-ħabs sa minn mindu kellu 16-il sena.

Jirriżulta li l-Polporina kien ilu ħmistax biss li ħareġ mill-ħabs, u l-mewt tiegħu seħħet f’Dar tal-Anzjani.

Hu kellu 68 sena.

Tul is-snin, Alfred Bugeja dejjem irrakkonta kif kien beda jieħu d-droga mill-ħabs stess meta kellu 39 sena.  

Hu kien jgħid ukoll li meta skonta sentenza ta’ 15-il sena ħabs u eventwalment ħareġ, intebaħ li ma kienx se jlaħħaq mal-ħajja u li kien aktar komdu fil-ħabs fejn ma kellux spejjeż.

Fil-fatt, Bugeja kien jirrakkonta kif dejjem sabha diffiċli jintegra ruħu fis-soċjetà u kien iħoss li l-ħabs qatt ma ppreparah għal din l-eventwalità.

Minkejja dan, hu xorta kien jemmen li ma kienx ħaqqu li jiskonta daqstant żmien fil-ħabs u li “kien hemm min qatel u ma għamilx daqshekk żmien il-ħabs daqskemm għamilt jien”.