Internazzjonali

Ir-Repubblika Ċeka: Titlob lill-UE biex tgħin ‘bis-servizzi tar-radju ħieles’

Ir-Repubblika Ċeka qed tinsisti għall-appoġġ mill-Unjoni Ewropea biex ikomplu s-servizzi ta’ Radio Free Europe/Radio Liberty (RFE/RL)….Dan wara li l-Gvern tal-Istati Uniti ħa d-deċiżjoni xokkanti biex jaqta’ l-finanzjanment għal din l-entità tax-xandir globali.

Il-Ministru Ċek għall-Affarijiet Barranin, Jan Lipavsky, qal li  l-RFE/RL, ibbażata fi Praga, “hi fost il-ftit sorsi kredibbli li jeżistu f’pajjiżi bħall-Iran, il-Belarus u l-Afganistan li qed isofru taħt ħakma dittatorjali’.

Ir-Radio Free Europe/Radio Liberty – għal snin sħaħ iffinanzjat mill-Gvern Amerikan – kien iwassal il-messaġġi u informzzjoni liċ-ċittadini tal-Ewropa tal-Lvant matul il-Gwerra Bierda tas-seklu l-ieħor….Informazzjoni u tagħrif  li ċirkulaw il-valuri demokratiċi waqt li l-awtoritjiet komunisti fil-pajjiżi eks-satelliti tal-eks Unjoni Sovjetika żammew kontroll riġidu fuq il-media lokali.

Sadanittant, Elon Musk, is-sieħeb biljunarju tal-President Amerikan Donald Trump u Kap tad-Dipartiment għall-Effiċjenza tal-Gvern (DOGE) f’Washington, qed jixpruna l-qtugħ ta’ dawn is-servizzi. Hu rrefera għall-RFE/RL bħala ‘imġienen radikali tax-xellug li qed jitkellmu magħhom infushom huma u jaħarqu l-ekwivalenti ta’ biljun dollaru f’taxxa mħallsa mill-Amerikani.’

Iżda Stephen Capus, il-President u Kap Eżekuttiv tal-RFE/RL qal li t-tneħħija tal-grant lill-entità għandha titqies bħala ‘rigal kbir lill-għedewwa tal-Istati Uniti’.

Capus sostna li l-Ayatollahs tal-Iran, il-mexxejja komunisti taċ-Ċina u d-dittaturi fir-Russja u l-Belarus żgur li jiċċelebraw it-tmiem tal-RFE/RL wara 75 sena ta’ servizzi kontinwi….Kumment li jirrifletti wkoll it-tħassib tal-Committee to Protect Journalists (CPJ) indipendenti peress li eluf  ta’ ġurnalisti se jintlaqtu ħażin mill-qtugħ fl-iffinanzjar li qed jimplimenta l-Gvern Amerikan bħalissa.