Opinjoni

Kull art agrikola għandha tintuża għal skop agrikolu

Nifraħ minn qalbi lill-għaqda bdiewa attivi, l-FCCS (il-Farmer’s Central Co-operative Society) u lill-Malta Food Agency li rnexxielhom jikkonvinċu lil wieħed mill-akbar supermarkets f’pajjiżna jpoġġi fuq l-ixkafef tiegħu prodotti agrikoli lokali prodotti mill-bidwi Malti

Toni Bezzina
Shadow Minister għall-Agrikoltura u Sajd

Grazzi għall-ħidma ta’ diversi individwi, il-prodott lokali kiseb ir-rikonoxximent mistħoqq u fl-aħħar il-ħidma tal-bidwi u r-raħħal Malti u Għawdxi qed tiġi valorizzata u apprezzata.
Wasalna? Jien ngħid li għadna bil-kemm bdejna. Però konvint li l-ħolma tiegħi, li kull supermarket u kull ħanut li jbiegħ prodotti tal-ikel u ħaxix ikollu wkoll fuq l-ixkafef tiegħu prodotti lokali tista’ ssir realtà jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed. B’hekk biss il-bidwi u r-raħħal lokali jibda jaqla’ x’jiekol b’mod diċenti u fl-istess ħin il-konsumaturi Maltin u Għawdxin jibdew igawdu minn prodotti agrikoli bi prezzijiet vantaġġjuzi.
L-akbar poblema għal dan is-settur tibqa’ n-nuqqas kbir ta’ art agrikola. L-Għaqda Bdiewa Attivi, ħames xhur ilu, flimkien ma’ 23 entità agrikola oħra u mal-Kamra tal-Periti, ħarġu stqarrija fejn talbu lil l-Gvern, lill-pubbliku u lil kwalunkwè msieħeb ieħor biex jirrikonoxxu li l-art agrikola għandha tintuża għall-attivitajiet agrikoli u mhux għal skopijiet rikreazzjonali.

Pajjiż lest għal kull eventwalità
B’hekk biss pajjiżna jkun jista’ jipprovdi biżżejjed prodotti tal-ikel lokali biex f’każ ta’ pandemija, gwerra jew xi kriżi oħra li timpedixxi jew tillimita l-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel f’pajjiżna, il-poplu tagħna ma jbatix il-ġuħ. Għalkemm nista’ ninstema’ xi ftit fatalista jew li qed nesaġera, tali probabbiltà mhux daqsekk impossibbli. Għalhekk pajjiżna għandu jkun lest għal kull eventwalità.
Però xi ħaġa tal-iskantament, minflok il-Gvern ikun ta’ eżempju u jkun hu l-ewwel wieħed li kull biċċa art agrikola proprjetà tiegħu tmur għand il-bdiewa ġenwini biex b’hekk il-produzjoni lokali tkun tista’ tiżdied u fl-istess ħin il-poplu jserraħ rasu li f’każ ta’ krizi ta’ importazzjoni ta’ ikel, il-pajjiż ikollu biżżejjed prodott lokali biex jitma lill-popolazzjoni tiegħu, grazzi għall-entità tal-Gvern ‘Project Green’, ħmistax-il-tomna raba’ agrikola fil-limiti tas-Siġġiewi u l-Qrendi ser tmur għal skop rekreazzjonali.
Minn wara dar il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd, ‘Project Green’ ser taqsam ħmistax-il-tomna agrikola f’220 plot ta’ mitt metru kwadru-il waħda biex tintuża għal skop rekreazzjonali. Dan il-preċedent jista’ jwassal biex minflok art agrikola tingħata lill-bdiewa ġenwini biex jipproduċu prodotti lokali, minflok art agrikola se tittieħed mill-Gvern mingħand bdiewa ġenwini għal użu rikreazzjonali: u dan kollu għax-xiri tal-voti.
Jekk il-Gvern xtaq jalloka plots għal skopijiet rikreazjonali, seta’ għamel dan fil-konfini tal-għammieri u mhux se jeqred ħmistax-il tomna raba’ agrikola ideali għall-użu mill-bdiewa u r-raħħala ġenwini.

Bdiewa jibku biex jakkwistaw biċċa art agrikola
Mela filwaqt li għandna bdiewa u raħħala ġenwini, b’mod speċjali żgħażagħ, li qed jibku biex jakkwistaw biċċa art agrikola biex jespandu l-operat agrikolu tagħhom jew a dirittura jibdew l-attività agrikola tagħhom, minn naħa l-oħra l-Gvern, minflok jagħtihom daqqa t’id, jimminhom u jċaħħadhom minn dak li bi dritt hu ta’ fejda għall-operat agrikolu tagħhom. Filwaqt li, bil-limitazjonijiet tiegħu, il-bidwi u r-raħħal qed jipprova jkun ta’ servizz għall-poplu tagħna, il-Gvern qed jagħti diżservizz lil pajjiżna.
B’din l-attitudni, il-Gvern qed iwassal il-messaġġ li ftit li xejn jinteressah mill-benessere tal-poplu tagħna billi jipprovdi l-mezzi neċessarji lill-bdiewa u lir-raħħala tagħna biex jipprovdu sigurezza ta’ ikel f’każ ta’ kriżi fl-importazzjoni ta’ ikel f’pajjizna. Għalkemm ilni għal dawn l-aħħar għaxar snin inħambaq li biex pajjiżna jkollu serħan il-moħħ li lokalment inkunu kapaċi nipprovdu biżżejjed ikel biex nitimgħu lill-poplu tagħna f’każ ta’ kriżi ħalli ma nbatux il-ġuħ, il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum: xhieda ta’ gvern irresponsabbli, bla pjan u li jaħseb biss sal-ponta ta’ mnieħru.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Marzu, 2025.