Nhar is-Sibt 5 ta’ April 2025, is-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni ser ittella’ kunċert ta’ mużika sagra, li jfakkar il-250 sena mill-bidu tal-kult tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa, bl-isem ‘Gethsemane’. Dan il-kunċert se jsir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sant’ Andrija Appostlu, Ħal Luqa, u ser ikollu s-sehem tal-Banda L-Unjoni, taħt id-direzzjoni ta’ John David Zammit. Se jieħdu sehem ukoll il-‘Coro Bel Canto’, il-kantanta Eleanor Cassar u s-Soprano Claire Caruana.
F’dan il-kunċert ser jindaqqu diversi siltiet miktuba apposta għal dan il-kunċert fosthom mis-Surmast John David Zammit, mill-Assistent Surmast Norbert Camilleri u mill-mużiċist tas-Soċjetà Neil Zammit. Barra minn hekk, ser jindaqqu diversi arranġamenti għal banda ta’ siltiet popolari ta’ dan il-ġeneru mużikali, fosthom il-‘Benedictus’, mill-quddiesa tal-kompożitur Skoċċiż Karl Jenkins ‘The Armed Man – A Mass for Peace’.
Dan il-kunċert se jservi wkoll ta’ tislima lil Eks Surmast tas-Soċjetà Filarmonika L-Unjoni, il-Professur Charles Zammit, li ħalla din id-dinja f’Diċembru li għadda. Mill-pinna ta’ dan il-kompożitur ser ikun eżegwit r-responsorju ‘Invocazione per Venerdi Santo’. Ser ikun ukoll eżegwit arranġament oriġinali għal banda ta’ siltiet mill-film epiku ‘Ben Hur’, li kellu l-mużika mill-pinna ta’ Miklós Rózsa.
Id-dħul għal dan il-kunċert hu bla ħlas u kull min jixtieq jattendi jrid ikun f’postu fis-7.15pm. Dan il-kunċert qed jiġi organizzat bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti.
//= $special ?>