Internazzjonali

L-UE: Dubji dwar kemm ir-Russja trid tassew il-paċi…fost l-istennija għat-taħditiet bejn Putin u Trump

L-Ewropa għandha ‘l-impressjoni qawwija’ li r-Russja mhux tassew tinsab lesta biex taħdem lejn il-paċi wara aktar minn tlett snin ta’ gwerra mal-Ukrajna. Dan kien il-messaġġ ewlieni li wasslet Kaja Kallas, l-Uffiċjal responsabbli mill-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u meta l-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Barranin iltaqa’, illum, fi Brussell, biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi fil-konflitt u l-potenzjal għal waqfien mill-ġlied.

Kajal Kallas, intant, saħqet li l-kundizzjonijiet li qed titlob ir-Russja għal kwalunkwe waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna huma indikazzjoni kważi ċara li l-Kremlin jippreferi li kieku l-gwerra tkompli għal żmien indeterminat.

 ‘Il-ballun ilu f’saqajn ir-Russja għal dawn l-aħħar ġranet’ kien il-kumment ta’ Kallas li, fl-istess ħin, faħħret in-negozjati għall-paċi li saru l-ġimgħa l-oħra, fl-Arabja Sawdija, bejn l-ogħla uffiċjali tal-Ukrajna u l-Istati Uniti. Dan meta Washington qed jieħu l-inizjattiva għall-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna wara li l-Amerikani u l-Ukreni qablu dwar il-proposta biex l-ostilitajiet fl-artijiet Ukreni jieqfu għal massimu ta’ xahar.

Il-Ministri Ewropej għall-Aħbarijiet Barranin minn madwar l-UE, intant, iddiskutew l-aktar mezzi effettivi li jistgħu jwasslu għall-paċi fl-Ukrajna. Fit-taħditiet ħa dehem ukoll il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Anrdiy Sybiha, permezz ta’ video call. Il-Kunsill, fl-istess ħin, iddiskuta r-relazzjonijiet tal-UE mal-Istati Uniti u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Sadanittant,kollox jinsab imħejji għad-diskussjonijiet li se jsiru għada bejn il-President Amerikan DonaldTrump u l-President Russu, Vladimir Putin….Taħditiet li fihom se jiddiskutu ‘aspetti ta’ territorju, il-faċilitajiet nukleari u l-qsim tal-assi’ bħala issues ewlenin fi djalogu dwar il-paċi potenzjali fl-Ukrajna.

It-taħditiet mistennija jsiru b’kollegament telefoniku, bir-Russi, qed jirrifjutaw li jiżvelaw l-issues li se jitrattaw flimkien mal-Amerikani. Dan ukoll waqt li l-Gvern Ukren ħeġġeġ l-użu ‘sħiħ’ tal-proċess demokratiku ħalli r-Russja tkun persważa biex taċċetta l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied kif propost minn Trump u Washington.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump ma spjegax fid-detall xi jfisser l-impenn għall-‘qsim tal-assi’ tal-Ukrajna. Dan meta mhux eskluż li l-Ukreni jkunu sfurzati biex iċedu parti minn pajjiżhom lir-Russi bħala kundizzjoni għall-paċi –  għalkemm il-probabbiltà hi żgħira.

L-Ukrajna qed tinsisti li qatt mhi se taċċetta li l-artijiet tagħha okkupati mir-Russi jitqiesu bħala estensjoni tar-Russja  — waqt li Moska qed tgħid li l-erba’ reġjuni Ukreni tal-lvant li għandhom partijiet okkupati mis-suldati Russi huma ‘tal-Kremlin bi dritt kostituzzjonali’.

L-issues territorjali assoċjati mal-Ukrajna jistgħu anki, ‘il quddiem, ikunu suġġetti għal ‘linji ta’ kuntatt’ li jiddemarkaw l-artijiet taħt il-kontroll tal-Ukreni u l-ibliet u l-villaġġi tal-Ukrajna li jitmexxew minn Moska….Inħawi li fost oħrajn jipprovdu aċċess ħieles lejn il-portijiet mal-Baħar l-Iswed.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, hu determinat li l-Ukrajna tieħu lura l-kontroll tal-faċilità nukleari ta’  Zaporizhzhia li għalissa tinsaba okkupata mis-suldati ta’ Putin. L-Ukrajna qed tinsisti wkoll biex tingħata lura l-belt  ta’ Enerhodar, viċin dik il-faċilità u li hi z-zona residenzjali għall-ħaddiema ma’ dan l-impjant.