“Il-Gvern għandu opportunità li jpoġġi l-konnettività għal Għawdex fuq nett tal-aġenda nazzjonali billi japplika għall-fondi Ewropej biex jikkommissjoni vapuri ġodda għal Għawdex bħala parti mill-programm nazzjonali taħt il-Fond Ewropew għall-Klima, li għandu jiġi sottomess din is-sena.
Barra minn hekk, mill-lum stess, għandu jimpenja ruħu biex il-konnettività tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) tal-Unjoni Ewropea li jmiss.” Dan qal l-MEP Peter Agius waqt il-Konferenza Nazzjonali “Vapuri Ġodda għal Għawdex: X’Tista’ Tagħmel l-Ewropa? X’Għandna Nagħmlu Aħna?”, li saret fil-Kempinski Hotel, Għawdex.
Waqt il-konferenza li laqqgħet flimkien politiċi, rappreżentanti tan-negozju, akkademiċi u residenti, Agius enfasizza li l-konnettività mhix lussu imma bżonn, u elenka l-ħtieġa urġenti għal investiment f’soluzzjonijiet moderni, effiċjenti u sostenibbli tat-trasport.
Il-messaġġ politiku tiegħu kien appoġġjat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li tenna l-impenn sħiħ tal-Partit Nazzjonalista biex itejjeb il-konnettività bejn Għawdex u Malta. “Għawdex jistħoqqlu aħjar, u rridu nitolbu dak li hu tagħna b’mod ġust. Aħna ma nwegħdux biss — il-PN qed jieħu azzjoni b’riżultati konkreti,” qal Grech.
Fi ftit xhur mill-elezzjoni Ewropea, Peter Agius ippubblika rapport dettaljat dwar il-fondi Ewropej għal vapuri moderni u sostenibbli. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil Peter Agius talli wettaq fi ftit xhur dak li l-Gvern Laburista kellu jagħmel snin ilu. Din l-inizjattiva tikkonferma li l-PN qed jaħdem konkretament biex jiggwida lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet it-tajbin dwar il-konnettività. Għal 12-il sena, smajna biss kliem vojt, imma dan mhux biżżejjed. Issa wasal iż-żmien għall-azzjoni,” ikkonkluda Grech.
Il-konferenza ġiet indirizzata minn numru ta’ esperti fis-suġġett. Dr. Karl Agius, visiting lecturer l-Università ta’ Malta, qasam għarfien dwar kif gżejjer oħra fl-Ewropa sfruttaw b’suċċess il-fondi tal-UE biex itejbu n-netwerks tat-trasport tagħhom.
Il-Professur Godfrey Baldacchino spjega sew l-impatti soċjali u ekonomiċi tal-konnettività marittima fuq il-komunitajiet tal-gżejjer, u enfasizza li trasport aħjar mhux biss ikun ta’ benefiċċju għall-passiġġiera kuljum, imma jsaħħaħ l-ekonomija u l-industrija tat-turiżmu ta’ Għawdex. ”Il-konnettività mhix privileġġ iżda dritt”.
Michael Galea, President tal-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex, enfasizza l-bżonn ta’ viżjoni fit-tul, u sejjaħ biex tinbidel il-flotta kollha tal-Gozo Channel b’servizz aktar sostenibbli, effiċjenti u estiż. “Ladarba l-infrastruttura tal-port titjieb, il-pass li jmiss għandha tkun li jkollna ħames vapuri fil-flotta tal-Gozo Channel biex nassiguraw servizz aktar effiċjenti u kontinwu.”
L-aspetti tekniċi u ambjentali tal-modernizzazzjoni tal-vapuri ġew indirizzati minn Kurt Gutteridge, Direttur tal-Kumpanija Naval Architectural Services, li spjega kif vapuri aktar nodfa u effiċjenti jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet filwaqt li jtejbu l-affidabbiltà tas-servizz.
Fotini Ioannidou, Direttur tat-Trasport Marittimu fil-Kummissjoni Ewropea, tat il-perspettiva Ewropea u kkonfermat l-impenn tal-UE li tappoġġja l-konnettività tal-gżejjer. Hija enfasizzat l-opportunitajiet ta’ finanzjament li Għawdex jista’ jaċċessa għal proġetti ta’ trasport marittimu sostenibbli.
Dawk preżenti semgħu ukoll dwar l-implimentazzjoni ta’ proġett internazzjonali. Cecile Larsen, Maniġer tal-Proġett għal Ærøfærgerne fid-Danimarka, ippreżentat il-proġett b’fondi Ewropej li wassal għat-tnedija ta’ Ellen, vapur kompletament elettriku. Hija qalet li Għawdex jista’ jagħmel l-istess.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Marittimi, Ivan Castillo; u l-Kelliem għall-Għawdex Alex Borg li t-tnejn li huma impenjaw ruħhom li jaħdmu favur konnettività aħjar u inqas emissjonijiet.
Fl-għeluq tal-Konferenza, l-MEP Peter Agius lill-politiċi u l-istakholders kollha appellalhom biex jieħdu azzjoni deċiżiva flimkien. “Din hija opportunità li ma nistgħux nitilfu. L-UE lesta biex tgħin — issa rridu nassiguraw li nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-futur ta’ Għawdex”.
//= $special ?>