L-Inizjattiva “Il-Mellieħa Qalb Waħda mat-Tfal Ukreni” li ġiet imnedija waqt l-attività ta’ Milied Mellieħi 2024 fi tmiem is-sena li għaddiet, se tkun irrendiet is-somma sabiħa ta’ €4,135.
Din l-inizjattiva kienet tikkonsisti f’wirja ta’ tpinġijiet mit-tfal Ukreni b’messaġġi kontra l-gwerra u favur il-paċi li kienet inawgurata mill-Ministru Ian Borg. Dawn it-tpinġijiet inġiebu Malta mid-Deputat Robert Cutajar bil-kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Maltija għall-Ukranja flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Ħafna minn dawn it-tpinġijiet issa jinsabu mdendla fil-bini tal-Kunsilli Lokali li jiffurmaw parti mir-Reġjun tat-Tramuntana wara inizjattiva li ħa l-istess reġjun u b’donazzjoni akkwista dawn l-istess tpingijiet flimkien ma’ kotba li għaddew għand l-istess Kunsilli. Il-flus miġbura issa ser ikunu qed jitwasslu direttament l-Ukranja mill-Ambaxxatur Malti John Debono u l-Konslu Ian Scerri u se jmorru b’risq it-tfal Ukreni li sofrew u għadhom isofru l-effetti koroh li ħalliet u għadha tħalli l-gwerra.
Flimkien mal-flus miġbura ser ikun qed jitwassal fl-Ukranja wkoll bord li fih messaġġi minn tfal Maltin li attendew taħt it-tinda waqt l-attività li kienet saret f’Diċembru fil-Pjazza tal-Mellieħa. Dan il-bord ġie mgħoddi fl-aħħar jiem minn Robert Cutajar lill-Ambaxxatur u l-Konslu Malti.
//= $special ?>