L-isportiv, Miguel Mifsud se jkun qed jirritorna b’maratona oħra tal-ġiri, b’din id-darba għandu l-mira li jagħmel 100 mil f’24 siegħa.
Din il-maratona, li se tkun qed issir bejn il-5 u s-6 ta’ April mill-11 ta’ filgħodu ‘l quddiem, għandha l-għan li twassal il-messaġġ li l-attività fiżika tgħin biex wieħed joqgħod ‘il bogħod mill-vizzji.
Is-sena l-oħra, fl-istess żmien, Mifsud kien temm b’suċċess ġirja ta’ 100 kilometru madwar il-kosta ta’ Malta. B’din id-darba se jkun qed jagħmel din il-ġirja ta’ 100 mil fil-korsa tal-atletika tal-Mediterranean College of Sports fejn b’kollox għandu jwettaq mal-405 dawra; xi ħaġa li mhux biss se tkun sfida fiżika iżda anke dik mentali.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt spjega li weħed mil-għanijiet ta’ din il-maratona kienet li tinħoloq kuxjenza favur ħajja sana ’l bogħod mid-droga u biex wara kollox jagħmlu kuraġġ lil dawk li bħalissa huma maħkumin minn xi vizzju.
Fil-passat Miguel għamel żmien ta’ rijabilitazzjoni fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq sustanzi. Biex issa qed jiddedika ħajtu biex jgħin lil dawk il-persuni li forsi qed iħossuha diffiċli milli joħorġu mill-vizzju tad-droga.
U quddiem is-sitwazzjoni allarmanti taż-żieda tal-użu tad-droga, Miguel Mifsud qed jappella lil kull persuna biex tagħmel parti minn din il-maratona flimkien miegħu filwaqt li wieħed jagħti donazzjoni f’għajnuna għal Caritas.
//= $special ?>