Fix-xahar ta’ April, it-Teatru Manoel se jippreżenta Is-Surmast ta’ Trevor Zahra fi prestazzjoni speċjali li se tkun qed timmarka 30 sena mindu l-play ittellgħet għall-ewwel darba fit-teatru nazzjonali Malti. Taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Galea u b’Charles Sammut fir-rwol prinċipali, dan id-dramm-kummiedja bil-Malti żgur li se jkun qed jinżel għasel ma’ udjenzi ta’ etajiet varji.
L-iskript tal-play Is-Surmast hija bbażata fuq in-novella ta’ Zahra bl-istess isem, u tiffoka fuq il-karattru ta’ Carmelo Ciantar: Surmast eċċentriku u maħbub ta’ skola primarja, li kien lest li jinjora l-istruzzjonijiet tas-superjuri tiegħu sabiex iħalli l-iskola timxi bl-istess mod kif imexxi d-dar tiegħu, ibbażata fuq il-kapriċċi personali tiegħu u fil-passi ta’ Santa Filomena. L-affarijiet kienu mexjin ħarir, kemm f’daru, kif ukoll l-iskola, sakemm ħabiba antika tal-familja ġiet lura mill-Ingilterra u qelbet kollox ta’ taħt fuq għal Carmelo.
Il-produzzjoni ta’ din il-play qed tittella’ minn kast lokali b’saħħtu li jinkludi lil Charles Sammut fir-rwol prinċipali, lil Mario Spiteri (Snitz), Andre Mangion, Ryan Mark Debattista, Antonella Galea Loffreda, Marceline Galea, Anthony Ellul, Claudia Mizzi, u Emanuel Cassar, kif ukoll numru ta’ atturi żgħar fir-rwol ta’ student tal-iskola. Il-mużika oriġinali hija l-kompożizzjoni ta’ Albert Garzia.
Trevor Zahra huwa meqjus bħala l-iktar kittieb prolifiku Malti. Fl-2020, Zahra ġie mogħti r-rikonoxximent prestiġjuż tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Lifetime Achievement fil-Letteratura. Il-premju jfakkar u jiċċelebra l-karriera twila ta’ Zahra u l-kontribuzzjonijiet importanti fil-letteratura lokali, bil-pubblikazzjoni ta’ iżjed minn 130 ktieb għat-tfal, l-adoloxxenti u l-adulti. Zahra huwa l-iktar awtur li ġie ppremjat fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb f’Malta, u dan għax irċieva l-premju 20 darba – 19-il darba bħala awtur u darba bħala illustratur.
Is-Surmast se tittella’ t-Teatru Manoel mill-Ġimgħa, 4 ta’ April, sal-Ħadd, 6 ta’ April. Il-play tibda fis-19:30 ta’ filgħaxija. Il-Ħadd waranofsinhar, il-play tibda fit-15:30, b’rappreżentazzjoni oħra fis-19.30. Il-prezzijiet tal-biljetti jvarjaw minn €10 sa €30, u jistgħu jinxtraw minn fuq is-sit: https://teatrumanoel.mt/event/is-surmast/. Dawk interessati jistgħu wkoll jżuru l-Box Office tat-Teatru Manoel fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta, jew billi jċemplu fuq in-numru: (+356) 21246389.
//= $special ?>