Ewropa Lokali

RAPPORT EWROPEW: Id-demokrazija f’Malta tinsab staġnata

Rapport Ewropew li ħareġ illum jiddeskrivi s-sitwazzjoni tad-demokrazija f’Malta bħala “staġnata”, u jitfa’ dawl fuq il-mod li bih qed imexxi l-Gvern ta’ Robert Abela.

Dan ir-rapport ta’ elf paġna tfassal mill-grupp Civil Liberties Union for Europe, u jiġbor fih kontribuzzjonijiet minn 43 organizzazzjoni li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.

Dan ir-rapport juri wkoll kif il-midja għadha taħt theddida, u kif f’ħafna pajjiżi qed jgħolli rasu l-popoliżmu.

Meta jitkellem speċifikament dwar il-ħidma tal-Gvern Malti, ir-rapport jindika kif sar ftit li xejn fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u biex jitkattar sens ċiviku akbar fil-pajjiż. Apparti minn hekk, dan ir-rapport indipendenti li sar fuq livell Ewropew jikkonferma li fil-Gvern ta’ Abela jeżistu problemi istituzzjonali u nuqqas serju ta’ kontabbiltà.

Mhux hekk biss. Jissemmew anke l-attakki fuq il-membri tal-ġudikatura u dik li tissejjaħ “manipulazzjoni politika”.

Imbagħad, hemm ir-realtà li istituzzjonijiet suppost indipendenti jispiċċaw b’indħil mill-Gvern u f’xi każi anke nuqqas ta’ riżorsi.