Lokali

Robert Abela jibqa’ jaħbi d-dikjarazzjonijiet tal-assi

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jsabbat saqajh u ma jrid bl-ebda mod ikun trasparenti mal-midja. Dan wara li saru sejħiet ripetuti – inkluż mill-Partit Nazzjonalista – biex jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet tal-assi.

Fl-aħħar mossa li saret minn Kastilja biex żgur l-assi jibqgħu mistura, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru irrifjuta t-talba li saret mit-Times għal dawn id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri.

Fil-fatt, it-Times of Malta kienet għamlet talba skont il-liġi għal-Libertà tal-Informazzjoni; talba magħrufa bħala FOI. U l-Gvern baqa’ stinat anke quddiem din it-talba, bl-iskuża tkun li d-dikjarazzjonijiet qegħdin hemm “għall-iskrutinju tal-Prim Ministru”.

Din is-saga kollha kienet bdiet f’Jannar wara li l-Prim Ministru kien kiser l-użanza li jiġu preżentati d-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Kabinett fil-Parlament; xi ħaġa li dejjem saret f’kull leġiżlatura u li turi trasparenza minn naħa tal-Gvern.

Dawn id-dikjarazzjonijiet jitfgħu dawl mhux biss fuq il-flejjes li għandhom il-Ministri, iżda anke ġid ieħor u proprjetajiet – u wieħed permezz tagħhom ikun jista’ jqabbel u janalizza jekk ikunx hemm ġid mhux spjegat jew xi nuqqas ieħor. Fi kliem sempliċi, kienu għodda li jiggarantixxu kontabbiltà minn naħa tal-Prim Ministru u l-Ministri.

Mhux magħruf eżatt ir-raġuni għaliex Robert Abela jrid iżomm moħbija dawn l-assi.

Li hu żgur hu, li fl-aħħar Grupp Parlamentari Laburista tqajmet din it-tema – partikolarment l-assi li għandha l-mara tal-Prim Ministru, Lydia Abela. U mhux kulħadd, minn fost id-deputati, huwa kuntent li qed jitqajmu dawn is-suspetti ripetuti fuq il-ġid li għandu l-Prim Ministru.