Marie Claire Aquilina u Etienne Bonello kellhom ġurnata oħra iebsa hekk kif temmew it-tieni stadju tal-Absa Cape Epic, li llum kienet tikkonsisti f’time trial. Huma ssieltu mas-sħana estrema u l-umdità. Minħabba l-inċident ta’ lbieraħ, fejn Aquilina sofriet waqgħa serja, it-tim kellu bidu tard fis-10:35, li ħallihom jikkompetu f’temperaturi għoljin – li kienu jaslu sat-38 gradi- fuq rotta ta’ 66km b’elevazzjoni ta’ 950m.
Wara bidu kawt biex jivvalutaw il-kundizzjoni ta’ Aquilina wara l-waqgħa drammatika tagħha l-bieraħ, hija kompliet b’determinazzjoni straordinarja biex tispiċċa b’saħħitha. Is-sħana ħalliet impatt qawwi fuq Bonello, li affetwatu partikolarment lejn it-tmiem tat-tellieqa fejn spiċċaw madwar is-2pm. Is-sezzjoni tan-nofs tar-rotta kienet partikolarment eżawrjenti mentalment minħabba t-terren ċatt u monotonu tagħha.
Minkejja l-isfidi, id-duo Malti spiċċa fil-39 post. Aktar parteċipanti abbandunaw it-tiġrija hekk kif il-kundizzjonijiet dejjem jiħraxu.
L-Istadju 3 ta’ għada jwiegħed test ieħor ta’ reżistenza, b’rotta iebsa ta’ 90km u 2600m ta’ tixbit. B’singletracks tekniċi u tlajja wieqfa fuq Paarl Mountain, dan jista’ jkun mument kruċjali fil-kampanja tagħhom tal-Cape Epic 2025. Bi tluq aktar kmieni fis-7am, it-tim jittama li jikseb ftit serħan mis-sħana u jżomm il-pass tajjeb tiegħu hekk kif jidħol fit-tieni nofs tat-tiġrija.
“Din it-tellieqa tista’ tarmik barra f’sekonda. Kull aspett—nutrizzjoni, pass, riskji u rkupru—irid jiġi mmaniġġjat b’preċiżjoni estrema. Fis-snin kollha tiegħi ta’ tlielaq internazzjonali, qatt ma esperjenzajt xi ħaġa bħal din,” irrimarka Bonello.
Il-parteċipazzjoni ta’ Bonello u Aquilina fl-Absa Cape Epic hija possibbli grazzi għall-appoġġ ta’ Meerendal Wine Estate, Kalamba Games, Garmin, BBB Cycling, The Sports Medics, Go&Fun, Visit Malta, u Wurth. Il-vjaġġ tagħhom huwa wkoll megħjun mill-għajnuna imprezzabbli tal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, bl-appoġġ tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
